L-okkupazzjoni hija l-att li bih wieħed jieħu pussess ta’ ħaġa korporali li mhix, iżda tista’ tkun, il-proprjetà ta’ xi hadd, bil-ħsieb li jagħmilha tiegħu. Hi rregolata mill-artikoli 561 sa 565 tal-Kodiċi Ċivili ta’ Malta. Min jokkupa l-ħaġa jakkwista l-proprjetà tagħha, kemm-il darba l-liġi ma tkunx tgħid xort’oħra.

Jeddjjiet tas-sid ta’ ferħ naħalImmodifika

Is-sid ta’ ferħ naħal għandu jedd li jmur warajhom fil-fond ta’ ħaddieħor, iżda hu obbligat iħallas il-ħsara li jagħmel f’dak il-fond. Kemm-il darha s-sid ma jmurx wara n-naħal fi żmien għaxart ijiem minn dak in-nhar li jkun ġie jaf bil-lok fejn ikunu jinsabu, jew, jekk għal għaxart ijiem, jaqta’ li jmur warajhom, il-pussessur ta’ dak il-fond jista’ jeħodhom u jżommhom. Dan jgħodd ukoll għas-sid ta’ annimali immansati; iżda dawk l-annimali jsiru proprjetà ta’ min ikun qabadhom u żammhom, jekk ma jiġux mitluba lura sa tletin ġurnata minn dak in-nhar illi s-sid ikun ġie jaf fejn dawk l-annimali jinsabu.

Teżor fil-fond ta’ ħaddieħorImmodifika

Filwaqt li jridu jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-Patrimonju Kulturali, it-teżor misjub fil-fond ta’ ħaddieħor, jekk jiġi misjub bla ma wieħed ikollu ħsieb, imiss nofs lil min isibu u nofs lis-sid tal-fond fejn jinsab, u jekk jiġi misjub b’tiftix li jsir għal dak il-ħsieb, imiss kollu lis-sid tal-fond. Il-kelma “teżor” tfisser u tinkludi kull ħaġa mobbli, ukoll jekk mhux prezzjuża, li tkun moħbija jew midfuna fl-art, u li tagħha ħadd ma jista’ jipprova li huwa s-sid.

Proprjetà mitlufaImmodifika

Min isib ħaġa mobbli li ma tkunx teżor, għandu jroddha lill-pussessur tagħha ta’ qabel, jekk ikun magħruf: inkella mingħajr dewmien għandu jagħtiha f’idejn il-Pulizija. Il-Kummissarju tal-Pulizija jippubblika b’avviż fil-Gazzetta tal-Gvern lista tal-ħwejjeġ mobbli hekk misjubin, u jerġa’ jippubblika dik il-lista, barra mill-ħwejjeġ li jkunu ġew mitluba minn sidhom, wara tliet xhur mill-imsemmi avviż. Wara tliet xhur minn dak in-nhar tal-ħruġ tat-tieni avviż, jekk is-sid ma jkunx deher biex jitlob il-ħaġa, din il-ħaġa jew, jekk iċ-ċirkostanzi jkunu għamlu meħtieġ il-bejgħ tagħha, il-prezz tagħha, imissu lil min ikun sabha. Is-sid tal-ħaġa jew min isibha, skont ma jkun il-każ, meta jieħu lura l-ħaġa jew il-prezz tagħha, iħallas l-ispejjeż li jkunu saru. Barra minn dan, is-sid li jieħu lura l-ħaġa jħallas lil min ikun sabha rigal meqjus skont iċ-ċirkostanzi, u li ma jkunx iżjed minn għaxra waħda ta’ kemm tkun tiswa l-ħaġa misjuba. Jekk, malli jgħaddu sitt xhur mill-ewwel avviż ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern kif ingħad qabel, la min isib il-ħaġa u lanqas is-sid tagħha ma jagħmel talba għaliha jew għall-prezz tagħha, dik il-ħaġa jew dak il-prezz, skont il-każ, issir proprjetà tal-Gvern.

Ħwejjeg li jinxteħtu jew li jaqgħu l-baħarImmodifika

Dan ma li ngħad s’issa ma jgħoddx għall-ħwejjeġ mixħuta jew li jaqgħu l-baħar, jew li l-baħar jitfa’ lura fuq l-art, jew għax-xtieli u ħxejjex li jikbru ma’ tul il-plajja, jew f’qiegħ il-baħar, ħlief sa fejn dawn il-jeddijiet fuq dawn il-ħwejjeġ ma jaqgħux taħt liġijiet speċjali. Ħadd ma jista’, mingħajr il-permess tal-President ta’ Malta, jistad għall-qroll jew ħwejjeġ oħra bħal dawn li jiffurmaw ruħhom jew jikbru f’qiegħ il-baħar.