Kandy

belt fis-Sri Lanka

Kandy (bis-Singaliż: මහනුවර Mahanuwara, pronunzja: [mahanuʋərə]; bit-Tamil: கண்டி Kandy, pronunzja: [ˈkaɳɖi]) hija belt ewlenija li tinsab fil-Provinċja Ċentrali tas-Sri Lanka. Kienet l-aħħar belt kapitali tal-monarkija Singaliża mill-1469 sal-1818, taħt ir-Renju ta' Kandy. Il-belt tinsab qalb l-għoljiet fil-promontorju ta' Kandy, fejn hemm żona ta' pjantaġġuni tropikali, l-iktar tat-te. Kandy hija belt amministrattiva u reliġjuża u l-belt kapitali tal-Provinċja Ċentrali. F'Kandy hemm it-Tempju tar-Relikwa tas-Sinna tal-Buddha (Sri Dalada Maligawa), wieħed mill-iżjed postijiet sagri ta' qima fid-dinja Buddista. Il-belt tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[1] Storikament il-mexxejja Buddisti lokali rreżistew it-tkabbir u l-okkupazzjoni kolonjali tal-Portugiżi, tal-Olandiżi u tal-Brittaniċi.

Kandy
 Sri Lanka
Amministrazzjoni
RepubblikaSri Lanka
Province of Sri LankaProvinċja Ċentrali
Kap tal-Gvern Kesera Senanayake (en) Translate
Isem uffiċjali මහනුවර
Ismijiet oriġinali මහනුවර
Kodiċi postali 20000
Ġeografija
Koordinati 7°17′49″N 80°38′18″E / 7.296961°N 80.638453°E / 7.296961; 80.638453Koordinati: 7°17′49″N 80°38′18″E / 7.296961°N 80.638453°E / 7.296961; 80.638453
Kandy is located in Sri Lanka
Kandy
Kandy
Kandy (Sri Lanka)
Superfiċjenti 27 kilometru kwadru
Għoli 500 m
Demografija
Popolazzjoni 120,087 abitanti (2021)
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+5:30
bliet ġemellati Solapur
kandy.mc.gov.lk

Il-belt u r-reġjun kienu magħrufa b'bosta ismijiet u verżjonijiet differenti ta' dawk l-ismijiet. Xi studjużi jissuġġerixxu li l-isem oriġinali ta' Kandy kien Katubulu Nuwara li issa tinsab qrib Watapuluwa. Madankollu, l-isem storiku iktar popolari kien Senkadagala jew Senkadagalapura, uffiċjalment Senkadagala Siriwardhana Maha Nuwara (jiġifieri "belt kbira ta' Senkadagala li kulma jmur tiddi iktar"), ġeneralment imqassar għal "Maha Nuwara". Skont il-folklor, dan l-isem oriġina minn wieħed mid-diversi sorsi possibbli, li kien isostni li l-belt ingħatat isem Brahmin li kien jismu Senkanda u li kien jgħix f'għar fil-qrib. Sors ieħor isostni li kien hemm reġina ta' Vikramabahu III li kien jisimha Senkanda, li ngħatat dak l-isem għal ħaġra kkulurita jisimha Senkadagala. Ir-Renju ta' Kandy kien magħruf b'bosta ismijiet ukoll. L-isem mifrux "Kandy", li oriġina matul l-era kolonjali, ġej minn verżjoni Angliċizzata ta' Sinhala Kanda Uda Rata (jiġifieri "l-art ta' fuq il-muntanja") jew Kanda Uda Pas Rata (jiġifieri "l-ħames kontej/pajjiżi ta' fuq il-muntanja"). Il-Portugiżi qassru dan l-isem għal "Candea", u użaw l-isem kemm għar-renju kif ukoll għall-belt kapitali. Bis-Singaliż, Kandy tissejjaħ Maha Nuwara, li tfisser "Belt Kbira" jew "Belt Kapitali", għalkemm spiss dan l-isem jitqassar għal Nuwara fil-lingwaġġ ta' kuljum.

Stabbiliment

immodifika

Ir-rekords storiċi jissuġġerixxu li Kandy ġiet stabbilita għall-ewwel darba minn Vikramabahu III (1357–1374 W.K.), li kien il-monarka tar-Renju ta' Gampola, fit-Tramuntana tal-belt attwali, u dak iż-żmien kien jisimha Senkadagalapura.

Renju ta' Kandy

immodifika

Sena Sammatha Wickramabahu (1473–1511) kien l-ewwel re tar-Renju ta' Kandy. Huwa kien irjali min-nisel irjali ta' Kotte u rrenja f'Kandy daqslikieku kien renju semiindipendenti taħt ir-Renju ta' Kotte, u lill-belt għamilja l-belt kapitali l-ġdida tar-Renju ta' Kandy. Sena Sammatha Wickramabahu ġie segwit minn ibnu Jayaweera Astana (1511–1551) u mbagħad minn Karaliyadde Bandara (1551–1581), li ħaditlu postu bintu Dona Catherina ta' Kandy (1581–1581). Wara Dona Catherina laħaq Rajasinha I. Madankollu, Rajasinha I ipprefera jirrenja mir-Renju ta' Sitawaka fil-Punent tal-gżira. Perjodu ta' taqbid għall-poter intemm bit-tlugh fit-tron ta' Konappu Bandara li sar magħruf bħala Vimaladharmasuriya I. Ladarba ħaddan il-Buddiżmu, huwa kompla jikkonsolida l-awtorità tiegħu billi ġab ir-relikwa tas-sinna tal-Buddha lejn Kandy minn post imsejjaħ Delgamuwa.

Fl-1592 Kandy saret il-belt kapitali tal-aħħar renju indipendenti fil-gżira, wara li r-reġjuni kostali kien inħakmu mill-Portugiżi. Diversi invażjonijiet mill-Portugiżi ġew irreżistiti, l-iktar magħrufa fosthom fil-kampanja militari ta' Danture. Wara l-Gwerra bejn is-Singaliżi u l-Portugiżi u l-istabbiliment ta' Ceylon Olandiża, it-tentattivi tal-Olandiżi li jaħkmu r-renju sfaw fix-xejn.

Ir-renju ttollera preżenza Olandiża mal-kosta tas-Sri Lanka, għalkemm minn żmiem għal żmien kienu jsiru xi attakki. L-iżjed offensiva ambizzjuża seħħet fl-1761, meta r-Re Kirti Sri Rajasinha attakka u rebaħ il-biċċa l-kbira tal-kosta, u ħalla biss lil Negombo intatta peress li kienet iffortifikata sew. Meta qawwa Olandiża ta' ritaljazzjoni rritornat fuq il-gżira fl-1763, Kirti Sri Rajasinha abbanduna l-kosta u rtira fuq in-naħa ta' ġewwa tal-gżira. Meta l-Olandiżi baqgħu javvanzaw lejn il-ġungli s-sena ta' wara, b'mod kostanti kellhom iħabbtu wiċċhom mal-mard, mas-sħana, man-nuqqas ta' provvisti u mat-tiraturi ta' Kandy, li kienu jkunu moħbijin fil-ġungla u li minħabba fihom l-Olandiżi ġarrbu telfiet kbar.

L-Olandiżi bagħtu qawwa iktar adattata f'Jannar 1765, u armaw lit-truppi tagħhom bix-xfafar minflok bl-ixkubetti. Barra minn hekk, użaw uniformijiet u tattiki iktar prattiċi li kienu iktar adattati għall-ġlied fil-ġungla. Inizjalment l-Olandiżi rnexxielhom jaħtfu l-belt kapitali, li ġiet abbandunata, u ċ-ċittadini ta' Kandy irtiraw għal darb'oħra fil-ġungli, u rrifjutaw li jiġġieldu fil-beraħ. Madankollu, l-Olandiżi reġgħu nfnew bil-ġlied kostanti. Fl-1766 ġie ffirmat trattat ta' paċi. L-Olandiżi żammew il-kontroll taż-żoni kostali sal-1796, meta mbagħad ħa l-kontroll ir-Renju Unit (meta n-Netherlands kienu taħt il-kontroll tal-Franċiżi) bis-saħħa tal-ittri ta' Kew ta' matul il-gwerer ta' Napuljun. Is-sjieda Brittanika ta' dawn l-inħawi ġiet formalizzata bit-Trattat ta' Amiens fl-1802. Is-sena ta' wara, il-Brittaniċi invadew ukoll lil Kandy f'dik li saret magħrufa bħala l-Ewwel Gwerra ta' Kandy iżda sabu reżistenza.

Bħala l-belt kapitali, Kandy kienet bdiet tospita r-relikwa tas-sinna tal-Buddha li tissimbolizza tradizzjoni tas-seklu 4 li kienet marbuta mal-monarkija Singaliża, ladarba l-protettur tar-relikwa kien il-mexxej tal-art. Għalhekk, il-Palazz Irjali u t-Tempju tas-Sinna nbnew qrib xulxin.

L-aħħar dinastija renjanti ta' Kandy kienet dik tan-Nayak. Kandy baqgħet indipendenti sal-bidu tas-seklu 19.

Fit-Tieni Gwerra ta' Kandy, il-Brittaniċi għamlu invażjoni li ma sabet l-ebda reżistenza u waslu sal-belt fl-10 ta' Frar 1815. L-ewwel darba li s-Sri Lanka sfat f'idejn setgħa barranija kienet f'Kandy bl-iffirmar tal-Konvenzjoni ta' Kandy fl-1815 fis-Sri Dalada Maligawa. Ir-re, Vikrama Rajasinha ta' Kandy, li kien ta' nisel tan-Nofsinhar tal-Indja, iffaċċja oppożizzjoni qawwija mill-kapijiet Singaliżi u fittex li jnaqqas is-setgħu tiegħu. Il-kapijiet Singaliżi rnexxielhom jorganizzaw kolp fejn aċċettaw il-kuruna Brittanika bħala l-monarkija l-ġdida tagħhom. Dan temm iktar minn 2,500 sena ta' monarki Singaliżi u s-sensiela ta' monarki ta' Kandy, u Rajasinha ttieħed bħala priġunier. Sat-2 ta' Marzu 1815, is-sovranità tal-gżira kienet taħt dik tal-Imperu Brittaniku. Trattat magħruf bħala l-Konvenzjoni ta' Kandy ġie ffirmat bejn il-Brittaniċi u r-Radala (aristrokratiċi ta' Kandy). It-trattat ma ġiex iffirmat mir-re li tneħħa iżda mill-membri tal-qorti tiegħu u minn dinjitarji oħra tar-Renju ta' Kandy. B'dan it-trattat, Kandy irrikonoxxiet lil Ġorġ III bħala r-re tagħha u saret protettorat Brittaniku. L-aħħar re tar-renju, Sri Vikrama Rajasinha, inħataf u ttieħed bħala priġunier irjali mill-Brittaniċi lejn il-Forti ta' Vellore fin-Nofsinhar tal-Indja flimkien mal-pretendenti kollha tat-tron. Uħud mill-membri tal-familja ġew eżiljati wkoll lejn Tanjore (issa magħrufa bħala Thanjavur, f'Tamil Nadu). Dan il-post fejn marru jgħixu għadu magħruf bħala "Kandy Raja Aranmanai" fil-parti tal-Lvant ta' Thanjavur tul it-triq antika ta' Mariamman Koil.

Era kolonjali

immodifika

Matul il-perjodu Brittaniku fis-Sri Lanka, l-istorja ta' Kandy u l-pajsaġġ urban tal-belt esperjenzaw tibdil rapidu u drastiku, b'mod partikolari wara r-Ribelljoni ta' Uva. Sir Lowry huwa magħruf li rreġistra fil-Gazetteer "Il-ġrajja tat-tmexxija tal-Ingliżi f'Kandy matul ir-ribelljoni tal-1818 ma tistax tiġi rrakkontata mingħajr ma tħammarlek wiċċek... Bil-kemm kien għad fadal membru ħaj mill-familji ewlenin... Dawk li ma nqatlux bix-xwabel u bl-armi tan-nar, mietu bil-mijiet bil-kolera u bil-ġidri r-riħ... Oħrajn baqgħu jgħixu fl-injoranza u fl-apatija. Kwalunkwe sforz sussegwenti ta' żvilupp min-naħa tal-gvern għal bosta snin baqgħu biss tentattivi li nbdew u mbagħad ġew abbandunati".

Fl-1848, immexxija minn Gongalegoda Banda u Puran Appu, kien hemm ribelljoni magħrufa bħala r-Ribelljoni ta' Matale. Qabel dan l-avveniment, il-belt u l-pajjiż kienu ilhom taħt it-tmexxija Brittanika għal 32 sena, u matul dak iż-żmien il-Brittaniċi esproprjaw l-art komuni tar-raħħala u ħallewhom f'faqar estrem. Iċ-ċittadini ta' Kandy kellhom jabbandunaw l-għajxien tradizzjonali tagħhom u saru ħaddiema bil-pagi fil-kundizzjonijiet tal-waħx li kienu jipprevalu fil-proprjetajiet u fil-pjantaġġuni l-ġodda li kien ġew introdotti. Minkejja l-pressjoni kollha li ġiet eżerċitata mill-kolonjalisti, iċ-ċittadini ta' Kandy irrifjutaw. B'hekk il-Brittaniċi kellhom iġibu mijiet ta' eluf ta' coolies (ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar) Tamil min-Nofsinhar tal-Indja.

Ir-ribelljoni bdiet fis-26 ta' Lulju 1848 u Gongalegoda Banda sar re, filwaqt li Puran Appu sar il-Prim Ministru, u l-objettiv prinċipali tagħhom kien li jerġgħu jaħtfu lil Kandy mingħand il-Brittaniċi. Ir-Ribelljoni ta' Matale kienet rewwixta tar-raħħala f'idejn in-nies komuni. In-nies tat-tmexxija ta' Kandy kienu nqerdu għalkollox wara r-Ribelljoni ta' Uva, u dan immarka l-ewwel pass f'tranżizzjoni mis-sistema fewdali klassika tar-rewwixti antikolonjali għat-taqbid modern għall-indipendenza. It-tmexxija għaddiet għall-ewwel darba mill-provinċji ta' Kandy f'idejn in-nies komuni u mhux aristokratiċi.

Fl-1944, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Kmand tax-Xlokk tal-Asja tal-alleati ġie ttrasferit lejn Kandy, u baqa' hemmhekk sal-aħħar tal-gwerra.

Kandy kontemporanja

immodifika

Kandy hija t-tieni l-ikbar belt fil-gżira u hija l-belt kapitali tal-Provinċja Ċentrali tas-Sri Lanka moderna. Il-pożizzjoni ġeografika tagħha wasslitha biex tkun ċentru ewlieni għat-trasport fil-gżira: Kandy hija ċ-ċentru ta' kollegament mal-Artijiet Għoljin Ċentrali tas-Sri Lanka, u wieħed jista' jasal fil-belt permezz tal-awtostradi ewlenin f'kull direzzjoni tal-gżira. Il-linja ferrovjarja minn Kolombo, il-port marittimu tul il-kosta tal-Punent, tgħaddi minn Kandy u tibqa' sejra sa Badulla fl-Artijiet Għoljin Ċentrali. It-toroq prinċipali Kolombo-Kandy u Kandy-Nuwara Eliya huma tnejn mill-iżjed toroq xeniċi tas-Sri Lanka; it-triq Kolombo-Kandy tgħaddi qalb l-għelieqi u l-pjantaġġuni tal-lastiku, tat-te u tar-ross, filwaqt li t-triq Kandy-Nuwara Eliya tgħaddi minn ġo nofs l-għelieqi tar-ross u l-pjantaġġuni tat-te. Iż-żewġ toroq iserrpu qalb l-għoljiet. Attwalment qed isiru studji ta' fattibbiltà biex tinbena awtostrada oħra bejn Kolombo u Kandy li tgħaddi minn Kadawata u l-belt xenika ta' Katugastota.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
Stampa:Kandy WHC.JPG
Il-plakka tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Kandy.

Il-Belt Sagra ta' Kandy ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Ġeografija

immodifika

Topografija

immodifika

Kandy tinsab fuq ġewwa, fin-naħa muntanjuża u forestali tal-gżira. Il-belt tinsab bejn diversi ktajjen muntanjużi, fosthom il-Katina Muntanjuża ta' Knuckles u l-Katina Muntanjuża ta' Hanthana, u b'hekk il-belt għandha elevazzjoni ta' 500 metru (1,600 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Tinsab biswit il-lag artifiċjali ta' Kandy u fin-Nofsinhar tas-Santwarju ta' Udawatta Kele. Illum il-ġurnata s-Santwarju ta' Udawatte Kele kulma jmur qed jiċkien.

Skont is-sistema tal-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen-Geiger, il-klima tal-belt hija waħda ta' foresta pluvjali tropikali (Af). Peress li Kandy tinsab fiċ-ċentru tal-gżira u f'elevazzjoni għolja, il-belt tgawdi minn temperaturi iktar bierda u jkollha relattivament iktar xita mill-klima tropikali tal-bqija tal-pajjiż, speċjalment ir-reġjuni kostali. Nuwara Eliya tinsab fin-Nofsinhar tagħha u għandha klima iktar friska minħabba l-elevazzjoni ogħla. Minkejja dan, il-klima ta' Kandy xorta waħda hija tropikali u t-temperaturi medji s-sena kollha jkunu iktar minn 18 °C. Il-belt tesperjenza perjodu b'iktar nixfa minn Jannar sa April. Minn Mejju sa Lulju u minn Ottubru sa Diċembru ir-reġjun jesperjenza l-istaġun tal-monsuni, u matul dak iż-żmien it-temp ma jkunx stabbli u spiss ikun hemm il-maltemp. Minn Marzu sa nofs Mejju jkun hemm il-perjodu ta' bejn il-monsuni, u matul dak iż-żmien ikun hemm xita ħafifa u umdità qawwija. L-umdità ġeneralment tkun bejn 70 % u 79 %.

Data klimatika Kandy
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Medja massima kuljum °C (°F) 27
(81)
28
(82)
30
(86)
30
(86)
29
(84)
28
(82)
27
(81)
28
(82)
28
(82)
28
(82)
27
(81)
27
(81)
28
(83)
Medja kuljum °C (°F) 23.1
(73.6)
24.1
(75.4)
25.4
(77.7)
25.9
(78.6)
25.6
(78.1)
24.8
(76.6)
24.3
(75.7)
24.4
(75.9)
24.3
(75.7)
24.3
(75.7)
24
(75)
23.7
(74.7)
24.5
(76.1)
Medja minima kuljum °C (°F) 18
(64)
18
(64)
18
(64)
20
(68)
20
(68)
20
(68)
20
(68)
19
(66)
19
(66)
19
(66)
19
(66)
18
(64)
19
(66)
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) 79
(3.1)
74
(2.9)
71
(2.8)
188
(7.4)
144
(5.7)
132
(5.2)
128
(5.0)
113
(4.4)
155
(6.1)
264
(10.4)
296
(11.7)
196
(7.7)
1,840
(72.4)
Medja għall-jiem bix-xita 6 5 8 14 11 15 14 13 13 17 16 14 146
Medja kuljum għas-siegħat bid-dawl tax-xemx 7 8 8 7 6 6 6 6 6 6 6 6 7
Sors 1: Weather2Travel for highs, lows and sunshine,[2] Climate-Data.org for daily mean temperatures (altitude: 518 m)[3]
Sors 2: World Climate Guide,[4] HolidayCheck.com,[5] World Climate[6]

Tqassim amministrattiv

immodifika
 
It-Tempju tar-Relikwa tas-Sinna tal-Buddha, Kandy.

Il-belt ta' Kandy tinsab f'elevazzjoni ta' 465 metru (1,526 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Il-pjanta tagħha żviluppat madwar żewġ spazji miftuħa: pjazza rettangolari tawwalija, li fit-tarf tagħha hemm il-binjiet amministrattivi tal-belt kapitali antika, u lag artifiċjali kwadru. Hemm ukoll ġnien pubbliku li jkompli jżid mal-ftuħ tat-tqassim tal-ispazju tal-belt.

Kandy issa kibret tant li tinkorpora lil Peradeniya, li tospita l-Università ta' Peradeniya u l-Ġonna Botaniċi, Katugastota fit-Tramuntana, u Kundasale, Tennekumbura u Gurudeniya fil-Lvant.

Viċinati

immodifika

Iċ-Ċentru Storiku ta' Kandy:

  • Akurana
  • Ampitiya
  • Tramuntana ta' Ampitiya
  • Nofsinhar ta' Ampitiya
  • Anniwatta
  • Lvant ta' Aruppola
  • Asgiriya
  • Bahirawakanda
  • Bogambara
  • Bogodawatta
  • Bowala
  • Buwelikada
  • Dangolla
  • Deiyannewelle
  • Kolonja ta' Etamoragodawatta
  • Punent ta' Gannoruwa
  • Gelioya
  • Gampola
  • Heenagama
  • Katugastota
  • Katukele
  • Kosgaspitiya
  • Kotugodella
  • Lewella
  • Madawala
  • Mahaiyawa
  • Malwatta
  • Mapanawatura
  • Mavilmada
  • Menikkumbura
  • Mulgampola
  • Navayalatenna
  • Nittawela
  • Nuwara Dodanwala
  • Peradeniya
  • Polgolla
  • Siyabalapitiya
  • Siyambalagastenna
  • Lvant ta' Suduhumpola
  • Punent ta' Suduhumpola
  • Talwatta
  • Tennekumbura
  • Udamadapola
  • Udathalawinna
  • Watapuluwa
  • Wattarantenna
  • Wewelpitiya
  • Yatiwawala
  • Wattegama

Distretti

immodifika

Kandy għandha 24 distrett.[7]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ "Sacred City of Kandy - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-06.
  2. ^ . Weather2Travel http://www.weather2travel.com/climate-guides/sri-lanka/kandy.php. Parametru mhux magħruf |publisher= injorat (forsi ridt tuża |pubblikatur= minflok) (għajnuna); Parametru mhux magħruf |title= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |access-date= injorat (għajnuna); |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  3. ^ Żball fl-użu tar-referenzi: Użu invalidu ta' <ref>; l-ebda test ma ġie provdut għar-referenza bl-isem Climate-Data.org.
  4. ^ http://www.worldclimateguide.co.uk/climateguides/srilanka/kandy.php. Parametru mhux magħruf |title= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |last= injorat (għajnuna); |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  5. ^ Temperature Kandy – climate Kandy Sri Lanka (Inside) – weather Kandy Mudell:Webarchive
  6. ^ http://www.worldclimate.com/cgi-bin/grid.pl?gr=N07E080. Parametru mhux magħruf |title= injorat (għajnuna); |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  7. ^ "Kandy Munciple Councile". web.archive.org. 2014-12-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-12-13. Miġbur 2024-12-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)