Choirokoitia

sit arkeoloġiku ta’ Ċipru li huwa Sit ta’ Wirt Dinji

Choirokoitia (xi kultant spelluta Khirokitia; bil-Grieg: Χοιροκοιτία [çiɾociˈti.a] li jingħad li tfisser mandra tal-ħnieżer peress li χοίρος tfisser ħanżir jew faħal, u κοιτίς tfisser post tal-oriġini jew fejn wieħed joqgħod u allura mandra fil-każ tal-ħnieżer; bit-Tork: Hirokitya) hija sit arkeoloġiku fil-gżira ta’ Ċipru li jmur lura għaż-Żmien Neolitiku.

Veduta tal-fdalijiet Neolitiċi ta’ Choirokoitia

Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1] Is-sit huwa magħruf bħala wieħed mill-iktar siti preistoriċi importanti u ppreservati tajjeb fil-Lvant tal-Mediterran. Il-biċċa l-kbira tal-importanza tiegħu hija l-evidenza li nstabet ta’ soċjetà funzjonali organizzata fl-għamla ta’ insedjament kollettiv, b’fortifikazzjonijiet madwaru għall-protezzjoni tal-komunità. Il-perjodu aċeramiku Neolitiku huwa rrappreżentat minn dan l-insedjament u xi 20 insedjament ieħor simili mifruxa mal-gżira kollha.[2]

Skoperta immodifika

Is-sit ġie skopert fl-1934 minn Porphyrios Dikaios, id-direttur tad-Dipartiment tal-Antikitajiet li wettaq sitt skavi fis-sit bejn l-1934 u l-1946.[3] Is-sejbiet inizjali tiegħu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal tal-Istudji Elleniċi fl-1934.[4] Fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20 saru skavi ulterjuri iżda dawn ġew interrotti ħesrem mill-invażjoni ta’ Ċipru mit-Torok. Missjoni Franċiża taħt it-tmexxija ta’ Alain Le Brun kompliet bl-iskavi tas-sit fl-1977.[5] Mill-iskavi ħareġ li s-sit kien okkupat bejn is-seba’ u r-raba’ millenji Q.K.[6][7]

Arkeoloġija immodifika

 
Rikostruzzjonijiet tal-istrutturi preistoriċi ta’ Choirokoitia

L-insedjament ta’ Choirokoitia jinsab fuq il-pendil ta’ għolja fil-wied tax-xmara Maroni, lejn il-kosta tan-Nofsinhar ta’ Ċipru xi sitt kilometri ’il bogħod mill-baħar. Fost il-metodi li x’aktarx kienu jipprattikaw l-abitanti Neolitiċi tal-insedjament ta’ Choirokoitia biex isostnu lilhom infushom, kien hemm it-tkabbir tal-għelejjel, ir-ragħa tan-nagħaġ u tal-mogħoż, u t-trobbija tal-ħnieżer. L-insedjament kien villaġġ magħluq, maqtugħ mid-dinja ta’ barra, ħlief mix-xmara, permezz ta’ ħajt b’saħħtu tal-ġebel, bi ħxuna ta’ 2.5 metri u b’għoli ta’ tliet metri fl-aqwa livell li baqa’ ppreservat. L-aċċess għall-villaġġ x’aktarx kien minn diversi punti ta’ dħul tal-ħajt. Il-binjiet fi ħdan dan il-ħajt jikkonsistu minn strutturi tondi qrib ħafna ta’ xulxin. Il-partijiet fil-baxx ta’ dawn il-binjiet spiss kienu tal-ġebel u kienu jiksbu proporzjonijiet kbar ħafna permezz taż-żidiet kostanti ta’ saffi oħra tal-ġebel. Id-dijametru estern tagħhom kien ivarja bejn 2.3 metri u 9.20 metri, filwaqt li d-dijametru intern kien biss bejn 1.4 metru u 4.80 metri. Saqaf ċatt li kien ċeda ta’ binja partikolari li nstabet dan l-aħħar tindika li mhux is-soqfa kollha kellhom għamla għat-tond qishom koppli kif kien jingħad oriġinarjament.[1]

 
Id-dfin tal-antenati preistoriċi ta’ Choirokoitia

Id-diviżjonijiet interni ta’ kull struttura jew għorfa kienu jsiru skont l-iskop li għalih il-binja kienet se tintuża. L-istrutturi b’ħitan baxxi u bi pjattaformi kienu x’aktarx jintużaw għax-xogħol, għall-mistrieħ jew għall-ħżin. Kien ikollhom qiegħa tal-fuklar li wisq probabbli kienet tintuża għat-tisjir u għat-tisħin. Barra minn hekk, kien ikollhom bankijiet u twieqi, u f’ħafna każijiet instabet evidenza ta’ pilastri li kienu jirfdu l-art tal-injam tas-sular ta’ fuq. L-istudjużi jaħsbu li l-istrutturi kienu bħal kmamar u li ħafna minnhom kienu jkunu raggruppati ħdejn xulxin madwar biċċa art jew bitħa esterna fil-beraħ u kienu jintużaw flimkien bħala dar.

Il-popolazzjoni tal-villaġġ x’aktarx li kienet madwar 300 u 600 abitant. L-abitanti kienu pjuttost qosra – abbażi tal-iskeletri li nstabu, l-irġiel bħala medja kienu twal 5' 3" u n-nisa bħala medja kienu twal 4' 11". Il-mortalità fost it-trabi kienet għolja ħafna. Bħala medja, l-irġiel adulti kienu jgħixu għal xi 35 sena, filwaqt li n-nisa kienu jgħixu għal xi 33 sena. Il-mejtin kienu jindifnu f’pożizzjoni mixħutin b’riġlejhom milwijin imissu ma’ żaqqhom, taħt l-art tal-istrutturi/tad-djar stess. F’xi każijiet, xi provvisti kienu jiġu mwarrba bħala offerti, u possibbilment dan jindika forma ta’ twemmin fi ħdan l-unitajiet domestiċi li permezz tiegħu missierijiethom kienu jibqgħu jingħataw ġieħ. Il-kultura ta’ Choirokoitia hija l-iktar kultura bikrija magħrufa ta’ Ċipru u kienet tikkonsisti minn soċjetà żviluppata u organizzata tajjeb ħafna, li kienet twettaq prattiki tal-biedja, tal-kaċċa u tar-ragħha. Permezz tal-prattiki tal-biedja, l-għelejjel li kienu jkabbru kienu l-iktar ċereali. Kienu jiġbru wkoll il-frott mis-siġar li kienu jikbru fil-pajsaġġ tal-madwar, bħal pistaċċi, tin, żebbuġ u għanbaqar. L-erba’ speċijiet ewlenin ta’ annimali li nstab l-għadam tagħhom fis-sit kienu ċ-ċriev, in-nagħaġ, il-mogħoż u l-ħnieżer.[8]

Il-villaġġ ta’ Choirokoitia ġie abbandunat ħesrem għal raġunijiet mhux magħrufa għall-ħabta tas-6000 Q.K.[1] u milli jidher il-gżira baqgħet mhux abitata għal madwar 1,500 sena sal-grupp ta’ Sotira, il-komunità suċċessiva li ġiet iddokumentata f’Ċipru. Madankollu, permezz ta’ iktar skoperti reċenti, inkluż diversi siti qrib l-akropoli antika ta’ Amathus fuq in-naħa tal-Lvant ta’ Limassol, għandna iktar tagħrif dwar dan id-distakk kronoloġiku bejn dawn iż-żewġ kulturi, u ġie żvelat li l-gżira x’aktarx kienet okkupata kontinwament minn tal-inqas mid-disa’ millenju Q.K. Il-komunitajiet bikrin kienu żgħar u sparsi ħafna, u b’hekk mhux kull reġjun kienu ikun daqstant sfruttat bħal iktar ’il quddiem fil-preistorja.[9][10]

Isem immodifika

Skont l-opinjoni dominanti fost l-istudjużi, isem il-villaġġ huwa kompost minn "Khiros" (ħanżir/faħal) u "Kiti", li għaldaqstant tissuġġerixxi mandra fejn kienu jitrabbew il-ħnieżer. Sorsi oħra jsostnu li l-isem oriġinali kien "Sidirokitida", jiġifieri żona fejn kien hemm il-ħadid. Jingħad ukoll li l-isem jaf oriġina mill-kelma "Khirogetia", li timplika l-prattika tal-kiromanzija. Skont ħsieb ieħor, l-isem jaf oriġina minn xi isem inizjali ieħor bħal "Ierokitida" (post sagru). Saħansitra opinjonijiet iktar immaġinattivi jsostnu li l-isem ġie mill-kelmiet "gyros" u "oikia" minħabba l-fatt li l-istrutturi preistoriċi huma tondi. Barra minn hekk, skont it-tradizzjoni, jingħad li l-isem ġej mill-frażi "Chere Kitia", frażi li ntużat mir-Reġina Rigena biex tindirizza lil xi ħabiba tagħha minn Kition. Fl-imgħoddi ntqal ukoll li forsi l-isem oriġina mill-pjanta Annona cherimola, li tikber f’Ċipru u hija magħrufa bl-isem iktar sempliċi ta’ "Cheromolia", għalkemm dan jitqies li wisq probabbli ma kienx il-każ. Fi kwalunkwe każ, fil-mapep antiki l-villaġġ kien ġie mmarkat bħala "Cherochetica" jew bħala "Chierochitia".[11]

Sit ta’ Wirt Dinji immodifika

 
Fdalijiet tal-insedjament preistoriku ta’ Choirokoitia

L-insedjament Neolitiku ta’ Choirokoitia ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba fil-preistorja, Ċipru kellu rwol ċentrali fit-trażmissjoni tal-kultura mil-Lvant Qarib għall-Ewropa; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba Choirokoitia hija sit arkeoloġiku ppreservat tajjeb ħafna li pprovda u se jkompli jipprovdi data xjentifika ta’ importanza kbira rigward it-tixrid taċ-ċivilizzazzjoni mill-Asja sal-Mediterran; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba kemm il-fdalijiet skavati kif ukoll il-partijiet ta’ Choirokoitia li għadhom ma ġewx skavati juru b’mod ċar l-oriġini ta’ insedjament protourban fil-Mediterran u lil hinn.[1]

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Choirokoitia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-09.
  2. ^ "HISTORY OF ARCHITECTURE". www.historyworld.net. Miġbur 2021-04-09.
  3. ^ "Women in Old World Archaeology". www.brown.edu. Miġbur 2021-04-10.
  4. ^ Payne, H. G. G. (1934). "Archaeology in Greece, 1933–34". The Journal of Hellenic Studies. The Society for the Promotion of Hellenic Studies. 54 (2): 199.
  5. ^ "Alain Le Brun, Le Néolithique de Chypre - Clio - Voyage Culturel". www.clio.fr. Miġbur 2021-04-10.
  6. ^ "Session DELF B2 en janvier 2018". www.ifchypre.org. Miġbur 2021-04-10.
  7. ^ Watkins, Trevor (1990). "Le Brun A. (éd.). - 1989. Fouilles récentes à Khirokitia (Chypre) 1983-1986". Paléorient. 16 (2): 103–104.
  8. ^ Lapithis, Petros. "HISTORY OF SOLAR ARCHITECTURE IN CYPRUS" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  9. ^ "Online Research Catalogues". The British Museum (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-10.
  10. ^ Simmons 1999; Simmons 2001 (both with previous references); Peltenburg et al. 2001; Steel 2004, 19–32.
  11. ^ "Khirokitia - Neolithic Settlement Khirokitias". khirokitia.org. Arkivjat 27-01-2017.