Chaîne des Puys

katina ta' vulkani reqdin fi Franza

Ix-Chaîne des Puys (pronunzja bil-Franċiż: [ʃɛn de pɥi]) hija katina ta' vulkani orjentati mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, li jistgħu jinqasmu f'koni tal-ġamar maħruq, strutturi sferiċi tal-lava, u maars (jiġifieri krater baxx, tipikament mimli b'lag vulkaniku, iffurmat bi żbroffar vulkaniku bi ftit lava) fil-Massif Central ta' Franza. il-katina ta' vulkani hija twila madwar 40 km (25 mil), u l-karatteristiċi vulkaniċi identifikati tagħha jinkludu 48 kon tal-ġamar, tmien struttura sferika tal-lava, u 15-il maar u krater ta' splużjoni.[1] L-ogħla punt tal-katina ta' vulkani hija l-istruttura sferika tal-lava msejħa Puy de Dôme, li tinsab qrib in-nofs tal-katina, li hija għolja 1,465 metru. L-isem tal-katina ta' vulkani ġej minn terminu Franċiż, puy, li jirreferi għal muntanja vulkanika bi profil ittundjat. X'aktarx li l-aħħar żbroffar ta' vulkan tax-Chaîne des Puys seħħ fl-4040 Q.K.[2]

Ix-Chaîne des Puys

Ix-Chaîne des Puys ġew elenkati fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[3]

Formazzjoni immodifika

Il-katina bdiet tifforma bejn wieħed u ieħor xi 95,000 sena ilu, u l-attività vulkanika li ffurmat il-katina waqfet xi 10,000 sena ilu.[1] Il-maġġoranza tal-koni ġew iffurmati bi żbroffar tat-tip ta' Stromboli, u dawn il-koni s-soltu jkollhom krateri fil-quċċata li jkunu ddefiniti sew. Uħud għandhom krateri moħbija, filwaqt li oħrajn għandhom krateri mkissrin minn fejn il-lava kienet niżlet.[1]

B'kuntrast ma' dan, il-Puy de Dôme nħolqot minn żbroffar tat-tip ta' Pelée; dan it-tip ta' żbroffar huwa kkaratterizzat minn perjodi twal li fihom il-vulkan ikun rieqed, u perjodikament dawn il-perjodi jiġu interrotti ħesrem minn żbroffar esplożiv u vjolenti.[1]

Żbroffar futur fix-Chaîne des Puys huwa possibbli u jirriżulta fil-formazzjoni ta' muntanji/vulkani ġodda.[4]

Riċerka immodifika

 
Il-Puy de Côme

Qabel l-1750 u l-identifikazzjoni tal-katina bħala waħda vulkanika, kien jingħad li l-Puys kienu tumbati fl-art magħmula mill-bniedem bl-iskart tax-xogħol fil-minjieri jew fran tal-forġa Rumani.[5]

Il-katina kienet is-suġġett tar-riċerka pijuniera tal-ġeologu Ingliż George Julius Poulett Scrope, li bdiet fis-snin 20 tas-seklu 19. Fl-1827 huwa ppubblika l-Memoir on the Geology of Central France, including the Volcanic formations of Auvergne, the Velay and the Vivarais (Memorja dwar il-Ġeoloġija ta' Franza Ċentrali, inkluż il-formazzjonijiet vulkaniċi ta' Auvergne, Velay u Vivarais) tiegħu li iktar 'il quddiem ġie ppubblikat mill-ġdid f'format revedut u kemxejn iktar popolari f'The Geology and extinct Volcanos of Central France (Il-Ġeoloġija u l-Vulkani Estinti ta' Franza Ċentrali) fl-1858. Dawn il-kotba kienu l-ewwel deskrizzjonijiet ippubblikati b'mod wiesa' tax-Chaîne des Puys, u l-analiżi fihom wittiet it-triq għal bosta prinċipji bażiċi tal-vulkanoloġija.[2]

Lista ta' wħud mill-vulkani immodifika

 
Il-pożizzjoni tax-Chaîne des Puys fi Franza
 
Veduta oħra tax-Chaîne des Puys mill-mogħdijiet tal-mixi

Fin-nofs tal-katina ta' vulkani, l-ogħla struttura hija il-Puy de Dôme (1,465 metru), li tiddomina x-xefaq 600 metru iktar 'il fuq mill-pjanura għolja fejn jinsabu l-kumplament tal-istrutturi vulkaniċi. Dawn mhumiex ogħla minn 200 metru 'l fuq mill-pjanura għolja, u jlaħħqu għoli ta' madwar 800 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.

Mit-Tramuntana għan-Nofsinhar insibu:

  • il-Maar tal-Gour de Tazenat,
  • il-Puy de Montiroir,
  • il-Puy de Chalard,
  • il-Puy de Beaunit,
  • il-Puy de Verrière,
  • il-Puy de Paugnat,
  • il-Puy de la Goulie,
  • il-Puy de Lespinasse,
  • il-Puy de la Nugère,
  • il-Puy de Louchadière,
  • il-Puy de Jumes u t-tewmi Puy de la Coquille,
  • il-Puy des Gouttes, kon ta' fdalijiet vulkaniċi li minnu fforma wkoll il-Puy Chopine,
  • il-Puy de Lemptegy,
  • il-Puy de Chaumont,
  • il-Petit-Sarcouy,
  • il-Grand-Sarcouy,
  • il-Puy des Goules,
  • il-Puy Pariou,
  • il-Cliersou,
  • il-Puy de Côme,
  • Il Grand Suchet,
  • il-Petit Suchet,
  • il-Petit puy de Dôme,
  • il-Puy de Dôme,
  • il-Puy Besace,
  • il-Puy Grosmanaux,
  • il-Puy Montchier,
  • il-Puy de Barme,
  • il-Puy de Lachamps,
  • il-Puy de Mercœur,
  • il-Puy de la Vache u t-tewmi Puy de Lassolas,
  • il-Puy de Charmont,
  • il-Puy de la Rodde,
  • il-Puy de Monténard,
  • il-Puy Planta.

Ftit iktar lejn il-Lvant, lejn Royat, hemm ukoll il-Puy de Gravenoire, fix-xifer tal-qasma ġeoloġika.

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Ix-Chaîne des Puys, l-arena tettonika tal-qasma ġeoloġika ta' Limagne, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (viii) tal-kriterji tal-għażla tal-UNESCO: "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[3]

 
Veduta tax-Chaîne des Puys minn fuq il-Puy de Dome

Biblijografija immodifika

  • Scrope, George Poulett (1858). The Geology and extinct Volcanos of Central France. J. Murray, Londra. pp. 258. ISBN 0-405-10459-6. (stampat mill-ġdid fl-1978 minn Arno Press)
  • Scarth, Alwyn; Tanguy, Jean-Claude (2001). Volcanoes of Europe. Oxford University Press. pp. 243. ISBN 0-19-521754-3.
  • Cattermole, Peter (2001). Auvergne (Classic Geology in Europe 2). Terra Publishing. pp. 176. ISBN 1-903544-05-X.
  • "Chaîne des Puys". Global Volcanism Program. Smithsonian Institution.[6]
  • Boivin Pierre; et al. (2004). Volcanologie de la Chaîne des Puys, Massif Central Français. Clermont-Ferrand: Parc Naturel Régional des Volcans d'Auvergne.

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ d Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. L-Istati Uniti tal-Amerka: Reader's Digest Association, Inc. pp. 306-307. ISBN 0-89577-087-3.
  2. ^ a b "Chaine des Puys". Volcano World (bl-Ingliż). 2010-09-14. Miġbur 2021-08-29.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Chaîne des Puys - Limagne fault tectonic arena". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-29.
  4. ^ Bliss, Dominic (2020-01-15). "Chain Reaction: Exploring the Chaîne des Puys Volcanoes in France" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-29.
  5. ^ Cooper, Malcolm (2010). Volcano and Geothermal Tourism. p. 24. ISBN 9781136540899.
  6. ^ "Global Volcanism Program | Chaîne des Puys". Smithsonian Institution | Global Volcanism Program (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-29.