Calakmul
Calakmul (/ˌkɑːlɑːkˈmuːl/; spelluta wkoll Kalakmul u b'varjanti inqas frekwenti) hija belt antika tal-Maja u sit arkeoloġiku fl-istat Messikan ta' Campeche, fil-qalba tal-ġungli tar-reġjun il-kbir tal-Baċir ta' Petén. Il-belt antika tinsab 35 kilometru (22 mil) mill-fruntiera mal-Gwatemala. Calakmul kienet waħda mill-ikbar bliet antiki fl-artijiet baxxi tal-Maja u waħda mill-iżjed setgħana li qatt ġew żvelati.
Calakmul kienet qawwa ewlenija tal-Maja fi ħdan ir-reġjun tat-Tramuntana tal-Baċir ta' Petén tal-Peniżola tal-Yucatan tan-Nofsinhar tal-Messiku. Calakmul amministrat dominju kbir immarkat bid-distribuzzjoni estensiva tal-glifiċi emblematiċi tagħha tas-simbolu tar-ras tas-serp, li għandu jinqara bħala "Kaan". Calakmul kienet is-sede tal-hekk imsejjaħ Renju tas-Serp.[1] Dan ir-renju rrenja matul il-biċċa l-kbira tal-perjodu Klassiku. Huwa stmat li Calakmul stess kellha popolazzjoni ta' 50,000 ruħ u matul xi żminijiet kellha governanza fuq postijiet 'il bogħod saħansitra 150 kilometru (93 mil). Ġew identifikati 6,750 struttura antika f'Calakmul, u l-ikbar waħda hija l-piramida l-kbira tas-sit. L-Istruttura 2 hija iktar għolja minn 45 metru (148 pied), u b'hekk hija waħda mill-itwal piramidi tal-Maja. Fi ħdan il-piramida nstabu erba' oqbra. Bħal ħafna tempji jew piramidi fi ħdan il-Mesoamerka, il-piramida ta' Calakmul żdiedet fid-daqs permezz ta' bini fuq it-tempju eżistenti sabiex jintlaħaq id-daqs attwali. Id-daqs tal-arkitettura monumentali ċentrali hija bejn wieħed u ieħor 2 kilometri kwadri (0.77 mili kwadri) u s-sit kollu, il-biċċa l-kbira tiegħu miżgħud b'ħafna strutturi residenzjali ġo xulxin, ikopri madwar 20 kilometru kwadru (7.7 mili kwadri).
Matul il-perjodu Klassiku, Calakmul kellha rivalità intensa mal-belt maġġuri ta' Tikal fin-Nofsinhar, u l-immanuvrar politiku ta' dawn iż-żewġt ibliet tqabbel ma' taqbida bejn żewġ superpotenzi tal-Maja.
Skoperta mill-ġdid mill-ajru mill-bijologu Cyrus L. Lundell tal-Mexican Exploitation Chicle Company fid-29 ta' Diċembru 1931, is-sejba ġiet irrapportata lil Sylvanus G. Morley tal-Istitut ta' Carnegie f'Chichén Itzá f'Marzu 1932.
Etimoloġija
immodifikaCalakmul huwa isem modern li ngħata minn Cyrus L. Lundell. Bil-lingwa tal-Maja, ca tfisser "żewġ", lak tfisser "biswit", u mul tfisser kwalunkwe tumbata artifiċjali jew piramida, b'hekk Calakmul tfisser il-"Belt taż-Żewġ Piramidi Biswit Xulxin". Fil-qedem, il-qalba tal-belt kienet magħrufa bħala Ox Te' Tuun, li tfisser "Tliet Ġebliet". Isem ieħor assoċjat mas-sit, u x'aktarx żona ikbar madwar is-sit, huwa Chiik Naab'. Il-mexxejja ta' Calakmul kienu jidentifikaw lilhom infushom bħala k'uhul kaanal ajaw, jiġifieri "Mexxejja Divini tas-Serp", iżda r-rabta tat-titlu mas-sit effettiv hija waħda pjuttost ambigwa.[2]
Pożizzjoni
immodifikaCalakmul tinsab fl-istat ta' Campeche fix-Xlokk tal-Messiku, madwar 35 kilometru (22 mil) fit-Tramuntana tal-fruntiera mal-Gwatemala u 38 kilometru (24 mil) fit-Tramuntana tal-fdalijiet ta' El Mirador.[3] Il-fdalijiet ta' El Tintal jinsabu 68 kilometru (42 mil) fil-Lbiċ ta' Calakmul u kienu kkollegati kemm ma' El Mirador kif ukoll ma' Calakmul stess permezz ta' triq jew sacbe.[4] Calakmul kienet madwar 20 kilometru (12-il mil) fin-Nofsinhar tal-belt kontemporanja ta' Oxpemul u madwar 25 kilometru (16-il mil) fil-Lbiċ ta' La Muñeca.[5] Il-belt antika tinsab fuq art olzata madwar 35 metru (115-il pied) 'il fuq minn art bassasa staġonali kbira li tinsab lejn il-Punent[6], magħrufa bħala El Laberinto bajo (li bl-Ispanjol fir-reġjun tirreferi għal art bassasa baxxa staġonali).[7] Din l-art bassasa hija 34 kilometru bi 8 kilometri (21.1 mil b'5.0 mili) u kienet sors importanti ta' ilma matul l-istaġun tax-xita. Il-bajo kienet ikkollegata ma' sistema sofistikata ta' kontroll tal-ilma li kienet tinkludi karatteristiċi naturali u artifiċjali bħal gandotti u kanali mad-dawra ta' żona ta' 22 kilometru kwadru (8.5 mili kwadri) madwar il-qalba tas-sit, żona li kienet meqjusa bħala Calakmul Interna. Il-pożizzjoni ta' Calakmul fit-tarf ta' bajo kellha żewġ vantaġġi addizzjonali: l-artijiet għammiela tul it-tarf tal-art bassasa u l-aċċess għal noduli abbundanti taż-żnied. Il-belt antika tinsab fuq promontorju ffurmat minn għamla qisha koppla naturali għolja 35 metru (115-il pied) 'il fuq mill-artijiet baxxi tal-madwar. Din il-koppla ġiet imwittija b'mod artifiċjali mill-Maja. Matul il-perjodu Preklassiku u l-perjodu Klassiku, l-insedjament kien ikkonċentrat tul it-tarf tal-El Laberinto bajo, u matul il-perjodu Klassiku l-istrutturi nbnew ukoll fuq l-art għolja u fuq il-gżejjer żgħar fejn kien jinħadem iż-żnied.[8]
Fil-bidu tas-seklu 21 iż-żona madwar Calakmul baqgħet mgħottija minn foresta densa.[9] Matul l-ewwel millenju W.K. iż-żona kellha xita moderata u regolari, għalkemm kien hemm inqas ilma tal-wiċċ disponibbli minn iktar fin-Nofsinhar fil-Gwatemala. Calakumul issa tinsab fi ħdan ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' Calakmul b'erja ta' 1,800,000 akru (7,300 km2). Iż-żona kkonservata fi ħdan ir-Riżerva ġiet stabbilita miċ-Ċentru ta' Investigazzjoni Storika u Soċjali tal-Università Awtonoma ta' Campeche (Centro de Investigaciones Historicas y Sociales de Universidad Autónomous de Campeche - CIHS/UAC).[10]
Popolazzjoni u kobor
immodifikaFil-aqwa tagħha matul il-perjodu Klassiku Aħħari, huwa stmat li l-belt kellha popolazzjoni ta' 50,000 abitant u kienet tkopri erja ta' iktar minn 70 kilometru kwadru (27 mil kwadru). Il-belt kienet il-belt kapitali ta' stat reġjonali kbir fi ħdan erja ta' madwar 13,000 kilometru kwadru (5,000 mil kwadru).[11] Matul il-perjodu Klassiku Terminali, il-popolazzjoni tal-belt naqset b'mod drastiku u l-popolazzjoni rurali niżlet għal 10 % tal-livell preċedenti tagħha.[12]
Ġie kkalkulat li d-densità tal-popolazzjoni tal-perjodu Klassiku Aħħari ta' Calakmul kienet 1,000/km² (2,564/mil kwadru) fil-qalba tas-sit u 420/km² (1,076/ mil kwadru) fil-periferija (erja ta' 122 kilometru kwadru (47 mil kwadru).[13] Calakmul tassew kienet belt urbana reali u mhux biss ċentru tal-elit imdawwar b'residenzi ordinarji. Il-qalba tas-sit ta' Calakmul fil-qedem kienet magħrufa bħala Ox Te' Tuun ("Tliet Ġebliet"), isem li jaf ingħata minħabba l-piramida trijadika tal-Istruttura 2.
Ir-renju ta' Calakmul kien jinkludi 20 ċentru sekondarju, fosthom bliet kbar bħal La Muñeca, Naachtun, Sasilha, Oxpemul u Uxul. Ġie stmat li l-popolazzjoni totali ta' dawn iċ-ċentri sekondarji kienet tammonta għal 200,000 ruħ. Ir-renju kien jinkludi wkoll għadd kbir ta' siti terzjarji u kwaternarji, il-biċċa l-kbira minnhom żgħar u magħmula minn għadd ta' gruppi rranġati madwar btieħi jew spazji miftuħa, għalkemm hemm siti rurali ikbar ukoll li jinsabu tul irdumijiet fit-truf tal-bajos li jinkludu tempji, palazzi u steli. Ġie kkalkulat li l-popolazzjoni rurali totali tar-renju kienet tammonta għal 1.5 miljun ruħ. Ġie kkalkulat li l-popolazzjoni sħiħa tar-renju ta' Calakmul, inkluż il-belt stess u l-popolazzjoni rurali fl-erja ta' 13,000 kilometru kwadru (5,000 mil kwadru) tal-istat reġjonali kienet tammonta għal 1.75 miljun ruħ fil-perjodu Klassiku Aħħari.
Il-glifika emblematika ta' Calakmul għandha distribuzzjoni ikbar mill-glifika emblematika ta' kwalunkwe belt oħra tal-Maja. Il-glifika tinstab ukoll f'iktar kitbiet ġeroglifiċi minn kwalunkwe glifika emblematika oħra, inkluż dik ta' Tikal.[14] Calakmul kienet tamministra dominju kbir immarkat minn distribuzzjoni estensiva tal-glifika emblematika tagħha tas-sinjal tar-ras tas-serp[15], li għandha tinqara bħala "Kaan".[16] Calakmul kienet is-sede tal-hekk imsejjaħ Renju tas-Serp.[17] Matul xi żminijiet il-belt kellha governanza fuq postijiet li kienu saħansitra 150 kilometru 'l bogħod.
Glifiċi emblematiċi
immodifikaFl-aqwa żmien ta' Calakmul fis-seklu 7, il-belt antika kienet magħrufa bħala "Kan". L-istat politiku Preklassiku fil-Baċir ta' Mirador kien juża t-titlu "Kan" ukoll. Hemm l-idea li wara l-kollass tal-istat ta' Mirador, ir-refuġjati tiegħu wettqu migrazzjoni lejn Calakmul fit-Tramuntana, fejn stabbilew "Kan" oħra. Madankollu, studji epigrafiċi tal-monumenti f'Calakmul juru li qabel is-seklu 7 W.K. l-emblema ta' Calakmul ma kellha xejn x'taqsam ma' serp, iżda ma' farfett il-lejl.[18] Milli jidher il-belt antika kienet immexxija minn mexxejja differenti. Il-glifika emblematika ta' Kan, qabel ma ġiet assoċjata ma' Calakmul, instabet (darba) f'Dzibanché, sit li jinsab iktar lejn il-Lvant. X'aktarx matul l-aħħar tas-seklu 6 u l-bidu tas-seklu 7, il-mexxejja ta' Dzibanché ttrasferew ruħhom f'Calakmul sabiex jistabbilixxu belt kapitali b'pożizzjoni iktar strateġika. Wara li l-poter ta' Calakmul tmermer fis-seklu 8, wara t-tmexxija ta' Yuknoom Took K'awiil, milli jidher l-emblema tal-farfett il-lejl reġgħet bdiet tintuża. Xorta waħda, għad hemm bosta inċertezzi u jeħtieġ li jsiru studji epigrafiċi ġodda għal iktar tagħrif.[19]
Storja
immodifikaCalakmul għandha storja twila ta' okkupazzjoni u l-iskavi żvelaw evidenza mill-perjodu Preklassiku Nofsani sal-perjodu Postklassiku. In-network ta' toroq li kienu jikkollegaw lil Calakmul mal-bliet ta' El Mirador, Nakbe u El Tintal jissuġġerixxu rabtiet politiċi qawwijin bejn l-erbat ibliet li jaf bdew fil-perjodu Preklassiku, meta kemm Calakmul kif ukoll El Mirador kienu bliet importanti, u komplew fil-perjodu Klassiku meta Calakmul stess kienet l-iżjed belt setgħana fir-reġjun. Calakmul kienet waħda mill-ikbar bliet antiki u waħda mill-iżjed setgħana li qatt ġew żvelaw fl-artijiet baxxi tal-Maja.[20]
Calakmul kontra Tikal
immodifikaL-istorja tal-perjodu Klassiku tal-Maja hija ddominata mir-rivalità bejn Tikal u Calakmul, imqabbla ma' taqbida bejn żewġ "superpotenzi" tal-Maja.[21] Iż-żminijiet iktar bikrija kienu jkunu ddominati minn belt ikbar unika u sal-perjodu Klassiku Bikri, Tikal kienet waslet biex tikseb din il-pożizzjoni wara d-dominanza ta' El Mirador fil-Preklassiku Aħħari u ta' Nakbe fil-Preklassiku Nofsani.[22] Madankollu, Calakmul kienet belt rivali b'riżorsi ekwivalenti li kienu jisfidaw is-supremazija ta' Tikal u fasslet strateġija sabiex tiċċirkondaha bin-network ta' alleati tagħha stess.[23] Mit-tieni nofs tas-seklu 6 W.K. sal-aħħar tas-seklu 7 W.K. Calakmul kisbet is-supremazija fuq Tikal għalkemm ma neħħietx il-poter ta' Tikal għalkollox u Tikal irnexxielha terġa' tirbaħ kontra Calakmul f'battalja deċiżiva li seħħet fis-695 W.K.[24] Nofs seklu wara, Tikal irnexxielha tirbaħ rebħiet maġġuri kontra l-iktar alleati importanti ta' Calakmul. Eventwalment iż-żewġt ibliet spiċċaw fix-xejn wara l-kollass mifrux tal-perjodu Klassiku tal-Maja.[25]
Ir-rivalità kbira bejn dawn iż-żewġt ibliet jaf kienet ibbażata fuq iktar mill-kompetizzjoni għar-riżorsi. L-istorja dinastika tagħhom tiżvela oriġini differenti u l-kompetizzjoni intensiva bejn dawn iż-żewġ potenzi jaf kellha bażi ideoloġika. Id-dinastija ta' Calakmul fl-aħħar mill-aħħar jidher li oriġinat mill-belt Preklassika kbira ta' El Mirador filwaqt li d-dinastija ta' Tikal kienet affettwata ferm mill-intervent tal-metropoli Messikana ċentrali 'l bogħod ta' Teotihuacan. Bi ftit eċċezzjonijiet, il-monumenti ta' Tikal u dawk tal-alleati tagħha jiffukaw ferm fuq mexxejja rġiel individwali filwaqt li l-monumenti ta' Calakmul u tal-alleati tagħha kienu jagħtu iktar prominenza lill-mexxejja nisa u spiss lit-tmexxija konġunta ta' re u ta' reġina.[25]
Preklassiku
immodifikaCalakmul diġà kienet belt kbira fil-perjodu Preklassiku.[26] L-istorja bikrija ta' Calakmul mhix ċara, għalkemm instabet lista dinastika li tmur lura għall-antenati li mexxew il-belt. Din id-dinastija ġiet rikostruwita parzjalment mill-bċejjeċ taċ-ċeramika tal-perjodu Klassiku Aħħari mill-bliet Preklassiċi kbar ta' El Mirador u ta' Nakbe. Dan jaf ifisser li Calakmul fl-aħħar mill-aħħar wirtet l-awtorità politika tagħha minn waħda minn dawn il-bliet, u d-dinastija tagħha jaf oriġinat fil-Preklassiku Aħħari fil-Baċir ta' Mirador u mbagħad rilokat ruħha f'Calakmul fil-perjodu Klassiku wara l-kollass ta' dawn il-bliet.[27]
Klassiku Bikri
immodifikaKemm Calakmul kif ukoll Tikal kienu bliet Preklassiċi kbar li baqgħu jeżistu fil-perjodu Klassiku. Testi ġeroglifiċi bikrin mill-isteli li nstabu fl-Istruttura 2 jirreġistraw l-inkurunament probabbli ta' re ta' Calakmul fl-411 W.K. u jirreġistraw ukoll mexxej mhux irjali tas-sit fil-514. Wara dan hemm diskrepanza fir-reġistri ġeroglifiċi ta' iktar minn seklu, għalkemm id-dinastija Kaan esperjenzat espansjoni kbira tal-poter tagħha matul dan iż-żmien. In-nuqqas ta' kitbiet imnaqqxa li jirreġistraw l-avvenimenti ta' dan il-perjodu jaf huwa dovut jew għall-fatt li d-dinastija Kaan kienet stabbilita xi mkien ieħor matul dan iż-żmien jew inkella għall-fatt li l-monumenti nqerdu iktar 'il quddiem.[28]
L-iżjed testi leġġibbli bikrin li jirreferu għar-rejiet tad-dinastija Kaan waslu mill-iskavi tal-belt kbira ta' Dzibanche f'Quintana Roo, ferm iktar fit-Tramuntana minn Calakmul. Taraġ mimli ġeroglifiċi juri priġunieri marbuta ma' xulxin, l-ismijiet tagħhom u d-dati meta nqabdu, flimkien mal-isem tar-re Yuknoom Che'en I, għalkemm il-kuntest preċiż ta' isem ir-re mhuwiex ċar. Il-priġunieri jaf kienu l-vassalli tiegħu maqbuda minn xi għadu jew jaf kienu r-rejiet maqbuda mir-re ta' Calakmul. Id-dati mhumiex ċerti iżda tnejn minnhom jaf jirreferu għas-seklu 5 W.K. Is-sit ta' El Resbalón fil-qrib, f'Quintana Roo, fih test ġeroglifiku f'ordni mħallta li jinkludi data fil-529, li tindika li l-belt kienet taħt il-kontroll tad-dinastija Kaan.[29]
Sa nofs is-seklu 6 W.K. Calakmul kienet qed issawwar alleanza politika wiesgħa, u din l-attività wasslet biex il-belt tidħol f'kunflitt mal-belt kbira ta' Tikal. L-influwenza ta' Calakmul kienet testendi sew fil-Baċir ta' Petén; ir-re Tuun K'ab' Hix ta' Calakmul issorvelja l-inkurunament ta' Aj Wosal għat-tmexxija ta' Naranjo fil-546. Vassall ieħor ta' Tuun K'ab' Hix inqabad minn Yaxchilan fuq ix-xtut tax-xmara Usumacinta fil-537.[2]
Fil-561, ir-re issa magħruf bħala x-Xhud tas-Sema poġġa mexxej fis-sit ta' Los Alacranes. Ix-Xhud tas-Sema kellu rwol ewlieni fl-avvenimenti politiċi tar-reġjun tal-Maja. Huwa sar is-Sinjur ewlieni tal-belt ta' Caracol, fin-Nofsinhar ta' Naranjo, li qabel kienet vassall ta' Tikal. Fil-562, skont test danneġġat li nstab f'Caracol, ix-Xhud tas-Sema rebaħ kontra Tikal stess u ssagrifika lir-re tagħha Wak Chan K'awiil, u b'hekk temm dak l-arblu tad-dinastija rjali ta' Tikal. Din it-telfa katastrofika bdiet 130 sena ta' deklin għal Tikal, li jirriflettu perjodu estiż ta' dominanza ta' Calakmul. Dan l-avveniment jintuża bħala markatur li jaqsam il-perjodu Klassiku Bikri mill-perjodu Klassiku Aħħari. Ix-Xhud tas-Sema jissemma wkoll f'Okop, sit ferm iktar fit-Tramuntana f'Quintana Roo. L-aħħar referenza għax-Xhud tas-Sema ssir f'Caracol u ġiet datata li saret fil-572. It-test huwa danneġġat iżda x'aktarx li jirreġistra l-mewt ta' dan ir-re setgħan.[30]
Klassiku Aħħari
immodifikaGwerra ma' Palenque
immodifikaMinflok ix-Xhud tas-Sema malajr laħaq l-Ewwel Detentur tal-Mannara, li jissemma f'test minn Dzibanche li jiċċelebra tmiem il-K'atun tal-573. L-Ewwel Detentur tal-Mannara rrenja għal madwar sitt snin. Fil-579 Uneh Chan sar ir-re ta' Calakmul.[31] Uneh Chan beda kampanja aggressiva fir-reġjun tal-Maja tal-Punent u attakka lil Palenque fit-23 ta' April 599 flimkien mal-alleat tiegħu Lakam Chak, il-mexxej tal-belt żgħira ta' Santa Elena li kienet tinsab 70 kilometru (43 mil) fil-Lvant ta' Palenque, rebaħ kontra r-reġina ta' Palenque Yohl Ik'nal u seraq ir-rikkezzi tal-belt.[32] It-telfa ġiet irreġistrata fuq sensiela ta' tarġiet ġeroglifiċi f'Palenque stess u l-avveniment beda perjodu twil ta' rivalità bejn iż-żewġ bliet.[33] Ir-reġina Yohl Ik'nal ma nqatlitx fil-battalja u mexxiet għal diversi snin oħra, għalkemm x'aktarx kellha tagħti ġieħ lil Calakmul.[34]
Uneh Chan żamm l-alleanzi tiegħu mal-bliet fil-Lvant u fuq l-Istele 4 f'Caracol ġie rreġistrat avveniment li jinvolvi lir-re Yajaw Te' K'inich ta' dik il-belt li seħħ qabel il-583. Calakmul reġgħet serqet ir-rikkezzi ta' Palenque fis-7 ta' April 611 taħt it-tmexxija personali ta' Uneh Chan.[35] Palenque dak iż-żmien kienet immexxija mir-re Ajen Yohl Mat li kien kiseb xi tip ta' indipendenza minn Calakmul, u dan x'aktarx li wassal għall-invażjoni l-ġdida. Il-konsegwenzi diretti ta' din it-tieni rebħa fuq Palenque involvew il-mewt tal-iżjed żewġ persuni nobbli importanti tal-belt, Ajen Yohl Mat stess u Janab Pakal, membru għoli tal-familja rjali u possibbilment mexxej konġunt. Janab Pakal miet f'Marzu 612 u Ajen Yohl Mat miet ftit xhur wara. Il-mewt tagħhom daqstant malajr wara li nsterqu r-rikkezzi tal-belt tissuġġerixxi li mewthom kienet marbuta direttament mat-trijonf ta' Calakmul.[36] Palenque ġarrbet tnaqqis kbir fil-ġid tagħha wara din id-data qabel ma rnexxielha tirkupra mill-gwerra diżastruża kontra Calakmul. Il-gwerer kontra Palenque jaf saru minn Uneh Chan sabiex jaħtaf il-kontroll tar-rotot kummerċjali għonja li kienu jgħaddu mir-reġjun tal-Maja tal-Punent.[37]
Ribelljoni f'Naranjo
immodifikaIr-re Yuknoom Chan ta' Calakmul issorvelja avveniment f'Caracol fis-619.[38] L-Istele 22 f'Caracol tirreġistra l-inkurunament ta' Tajoom Uk'ab' K'ak' fuq it-tron ta' Calakmul fis-622. Żewġ steli ttellgħu f'Calakmul fis-623 iżda t-testi tagħhom ittieklu wisq biex wieħed ikun jista' jasal għall-ismijiet tal-koppja rjali involuta. Għall-ħabta ta' dan iż-żmien, Naranjo, vassall ta' Calakmul, ma baqgħetx alleata tal-belt meta r-re tagħha Aj Wosal miet ftit wara li miet Uneh Chan ta' Calakmul. Naranjo kienet indipendenti minn Calakmul mill-inqas sas-626, meta ġarrbet telfa darbtejn kontra Caracol u Yuknoom Chan jaf kien qed jipprova jerġa' jġib lil Naranjo taħt il-kontroll ta' Calakmul. It-tentattivi tiegħu ntemmu b'mewtu fis-630. Fis-631 Yuknoom Head, ir-re l-ġdid ta' Calakmul, finalment reġa' kiseb il-kontroll ta' Naranjo. It-testi jirreġistraw li r-re ta' Naranjo diġà kien ittieħed bħala priġunier f'Calakmul dakinhar li l-belt tiegħu ġarrbet it-telfa u l-piena tiegħu dakinhar stess tiġi deskritta bit-terminu k'uxaj (/k’uːˈʃäχ/) li tfisser "torturat" jew "mikul". Yuknoom Head ħakem belt oħra f'Marzu 636, għalkemm is-sit eżatt mhuwiex magħruf.[38]
Apoġew
immodifikaId-dinastija Kaan oriġinarjament ma kinitx stabbilita f'Calakmul iżda ġiet rilokata hemmhekk fis-seklu 7 minn belt oħra.[39][40] Calakmul esperjenzat l-ikbar kisbiet tagħha matul ir-renju tar-re Yuknoom Che'en II, li xi kultant jissejjaħ Yuknoom il-Kbir mill-istudjużi.[41] Yuknoom Che'en II kellu 36 sena meta ġie inkurunat fuq it-tron ta' Calakmul fis-636. Żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-isteli fil-belt bdiet mar-renju tiegħu u r-re kkummissjona 18-il stele. Yuknoom Che'en II x'aktarx li kien responsabbli għall-kostruzzjoni tal-kumplessi tal-palazzi li jiffurmaw il-parti l-kbira tal-qalba tas-sit.[41]
Calakmul u Dos Pilas
immodifikaFis-629 Tikal kienet stabbiliet lil Dos Pilas fir-reġjun ta' Petexbatún, xi 110 kilometri (68 mil) fil-Lbiċ, bħala stazzjonament militari sabiex tikkontrolla l-kummerċ tul ix-xmara Pasión.[42] B'alaj Chan K'awiil ġie inkurunat bħala mexxej tal-istazzjonament il-ġdid meta kellu erba' snin, fis-635, u għal bosta snin kien vassall leali u ġġieled għal ħuh, ir-re ta' Tikal. Fis-648 Calakmul attakkat lil Dos Pilas u kisbet rebħa kbira u l-mewt ta' re ta' Tikal.[43] B'alaj Chan K'awiil inqabad minn Yuknoom Che'en II iżda, minflok ġie ssagrifikat, reġa' tpoġġa fuq it-tron bħala vassall tar-re ta' Calakmul, attakka lil Tikal fis-657, u ġiegħel lil Nuun Ujol Chaak, ir-re ta' Tikal ta' dak iż-żmien, jabbanduna l-belt temporanjament.[44] L-ewwel żewġ mexxejja ta' Dos Pilas baqgħu jużaw il-glifika emblematika ta' Mutal ta' Tikal, u x'aktarx li ħassew li kellhom jedd leġittimu għat-tron ta' Tikal stess.[45] Għal xi raġuni, B'alaj Chan K'awiil ma sarx il-mexxej il-ġdid ta' Tikal; minflok baqa' f'Dos Pilas. Tikal ikkontroattakkat lil Dos Pilas fis-672, u B'alaj Chan K'awiil ġie eżiljat għal ħames snin.[46] Calakmul ipprovat tiċċirkonda lil Tikal fi ħdan żona ddominata mill-alleati tagħha, bħal El Peru, Dos Pilas u Caracol. Fis-677 Calakmul ikkontroattakkat lil Dos Pilas, keċċiet lil Tikal u reġgħet inkurunat lil B'alaj Chan K'awiil fuq it-tron. Fis-679 Dos Pilas, x'aktarx megħjuna minn Calakmul, kisbet rebħa importanti kontra Tikal, u hemm deskrizzjoni ġeroglifika tal-battalja li tiddeskrivi t-tixrid tad-demm u l-imwiet.[47]
L-għawġ kompla fil-Lvant, b'kunflitt imġedded bejn Naranjo u Caracol. Naranjo rebħet għalkollox kontra Caracol fis-680 iżda d-dinastija ta' Naranjo għebet fi żmien sentejn u bint B'alaj Chan K'awiil stabbiliet dinastija ġdida hemmhekk fis-682, li jindika li x'aktarx Calakmul kienet intervjeniet b'mod deċiżiv biex tqiegħed vassall fuq it-tron. Il-patrunaġġ ta' Yuknoom Che'en II bħala Sinjur hija rreġistrata f'firxa ta' bliet importanti, inkluż El Peru fejn issorvelja l-inkurunazzjoni ta' K'inich B'alam bħala re u fejn saħħaħ ir-rabta biż-żwieġ ta' prinċipessa ta' Calakmul ma' re. Il-poter ta' Calakmul kien estiż saħansitra sax-xatt tat-Tramuntana tal-Lag ta' Petén Itzá, fejn Motul de San José ġie rreġistrat bħala l-vassall tagħha fis-seklu 7, għalkemm kienet allinjata tradizzjonalment ma' Tikal.[48] Yuknoom Che'en II ggarantixxa l-lealtà ta' tliet ġenerazzjonijiet ta' rejiet f'Cancuen, 245 kilometru (152 mil) fin-Nofsinhar, u ssorvelja l-inkurunazzjoni ta' mill-inqas tnejn minnhom, fis-656 u fis-677. Ir-re Yuknoom Che'en II kien involut, direttament jew indirettament, fl-inkurunazzjoni ta' re f'Moral fil-Punent f'Tabasco u wieħed mill-persuni nobbli ta' Yuknoom issorvelja ritwal f'Piedras Negras tul ix-xatt tal-Gwatemala tax-xmara Usumacinta. Yuknoom Che'en II miet meta kellu xi tmenin sena, x'aktarx fil-bidu tas-686. Meta miet, Calakmul kienet l-iżjed belt setgħana fl-artijiet baxxi ċentrali tal-Maja.[49]
Yuknoom Yich'aak K'ak' laħaq wara Yuknoom Che'en II u l-inkurunazzjoni tiegħu fit-3 ta' April 686 ġiet irreġistrata fuq il-monumenti ta' Dos Pilas u ta' El Peru. Huwa twieled fis-649 u x'aktarx li kien iben il-predeċessur tiegħu. Diġà kellu kariga għolja qabel ma sar re u jaf kien responsabbli għas-suċċessi l-kbar tal-aħħar parti tar-renju ta' Yuknoom Che'en II. Huwa żamm il-lealtà ta' K'inich B'alam ta' El Peru u ta' B'alaj Chan K'awiil ta' Dos Pilas u kiseb dik ta' K'ak' Tiliw Chan Chaak fis-693, meta ġie inkurunat fuq it-tron ta' Naranjo meta kellu ħames snin.[50] Madankollu, it-testi fuq il-monumenti skolpiti ma jiżvelawx il-kumplessità sħiħa tal-attività diplomatika, li toħroġ tassew fid-dieher permezz ta' vażun impitter taċ-ċeramika minn Tikal, li turi ambaxxatur tar-re ta' Calakmul għarkopptejh quddiem ir-re inkurunat ta' Tikal u jagħtih ġieħ. Erba' snin wara biss, f'Awwissu 695, iż-żewġ stati reġgħu kienu fi gwerra. Yuknoom Yich'aak K'ak' mexxa l-ġellieda tiegħu kontra Jasaw Chan K'awiil I f'battalja katastrofika li wasslet għat-telfa ta' Calakmul u għall-qbid tax-xbieha tad-divinità ta' Calakmul imsejħa Yajaw Maan.[51] Mhuwiex magħruf x'sar minn Yuknoom Yich'aak K'ak'; skultura tal-istukko minn Tikal turi priġunier u r-re jissemma fil-kitba ta' akkumpanjament iżda mhuwiex ċert jekk il-priġunier u r-re humiex l-istess persuna. Dan l-avveniment immarka t-tmiem tal-apoġew ta' Calakmul, l-attività diplomatika għebet u inqas bliet bdew jirrikonoxxu r-re ta' Calakmul. Ma hemm l-ebda stele wieqfa fil-qalba tas-sit li tirreġistra lil Yuknoom Yich'aal K'ak, għalkemm hemm uħud fil-Grupp tal-Grigal u żewġ steli mkissrin ġew midfuna fl-Istruttura 2.[52]
Rejiet ta' wara
immodifikaIl-mexxej li jmiss ta' Calakmul, magħruf bħala Dinja Maqsuma, jissemma fuq par għadmiet imnaqqxin fil-qabar tar-re ta' Tikal, Jasaw Chan K'awiil I. Dan kien qed jirrenja minn Novembru 695 iżda mhuwiex magħruf jekk kienx membru leġittimu tad-dinastija ta' Calakmul jew jekk sempliċement tpoġġa minn Tikal.[53]
Ir-re magħruf li jmiss uża għadd ta' varjanti ta' ismijiet, u jissemma b'segmenti differenti ta' ismijiet fi ħdan Calakmul u lil hinn minnha. Interpretazzjoni parzjali ta' ismu hija Yuknoom Took' K'awiil. Dan tella' seba' steli biex jiċċelebra avveniment kalendarju fis-702 u jissemma f'Dos Pilas f'dik is-sena, li x'aktarx turi li Dos Pilas kienet għadha vassall ta' Calakmul. El Peru baqgħet ukoll vassall u Yuknoom Took' K'awiil inkuruna re ġdid hemmhekk f'data mhux magħrufa. La Corona ngħatat reġina minn Yuknoom Took'. Naranjo baqgħet leali wkoll. Yuknoom Took' K'awiil ikkummissjona seba' steli oħra sabiex jimmarka tmiem il-K'atun tas-731. Telfa oħra mġarrba kontra Tikal ġiet irreġistrata fuq artal skolpit f'dik il-belt, li x'aktarx imur lura għal xi żmien bejn is-733 u s-736, fejn jidher re maqbud minn Calakmul u probabbilment l-ismijiet ta' Yuknoom Took' K'awiil.[54]
Calakmul u Quiriguá
immodifikaWara dan, l-istorja rreġistrata ta' Calakmul hija pjuttost vaga, kemm minħabba l-istat tal-monumenti fil-belt stess kif ukoll minħabba l-preżenza politika mnaqqsa tagħha fuq livell usa' tal-Maja.[55] Wamaw K'awiil jissemma f'Quiriguá fil-periferija tan-Nofsinhar tal-Mesoamerka. Quiriguá tradizzjonalment kienet vassall tal-ġar tagħha fin-Nofsinhar, Copán, u fis-724 Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil, ir-re ta' Copán, inkuruna lil K'ak' Tiliw Chan Yopaat fuq it-tron ta' Quiriguá bħala l-vassall tiegħu.[56] Sas-734 K'ak' Tiliw Chan Yopaat kien wera li ma kienx baqa' leali lejn Copán meta beda jirreferi għalih innifsu bħala k'ul ahaw, jiġifieri sinjur sagru, minflok it-terminu inferjuri ahaw, jiġifieri sinjur subordinat; fl-istess żmien beda juża l-glifika emblematika ta' Quiriguá tiegħu stess.[57] Dan l-att lokali ta' ribelljoni jidher li kien parti mit-taqbida politika ikbar bejn Tikal u Calakmul. Fis-736, sentejn biss wara, K'ak' Tiliw Chan Yopaat laqa' żjara ta' Wamaw K'awiil ta' Calakmul, filwaqt li Copán kienet waħda mill-eqdem alleati ta' Tikal. It-twaqqit ta' din iż-żjara mir-re ta' Calakmul hija ferm sinifikanti, għaliex inzertat bejn l-inkurunazzjoni ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat fuq it-tron ta' Quiriguá bħala vassall ta' Copán u r-ribelljoni sfaċċata li seħħet wara. Dan jissuġġerixxi sew li Calakmul sponsorjat ir-ribelljoni ta' Quiriguá sabiex iddgħajjef lil Tikal u tikseb aċċess għar-rotta kummerċjali rikka tal-Wied ta' Motagua.[58] X'aktarx li l-kuntatt ma' Calakmul kien inbeda ftit wara li K'ak' Tiliw Chan Yopaat tela' fuq it-tron.[59] Fis-738 K'ak' Tiliw Chan Yopaat ħataf lir-re setgħan iżda anzjan ta' Copán, Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil.[60] Kitba mnaqqxa f'Quiriguá, għalkemm diffiċli biex tinterpretaha, tissuġġerixxi li l-ħtif seħħ fis-27 ta' April 738, meta Quiriguá ħatfet u ħarqet ix-xbihat tal-injam tad-divinitajiet patruni ta' Copán.[61] Ir-re maħtuf ittieħed lura f'Quiriguá u fit-3 ta' Mejju 738 ġie maqtul b'qtugħ ir-ras f'ritwal pubbliku.[62]
Fil-perjodu Klassiku Aħħari, l-alleanza ma' Calakmul sikwit ġiet assoċjata mal-wegħda ta' appoġġ militari. Il-fatt li Copán, belt ferm iktar b'saħħitha minn Quiriguá, ma rnexxilhiex tirritalja kontra l-eks vassall tagħha jimplika li beżgħet mill-intervent militari ta' Calakmul. Calakmul stess kienet biżżejjed 'il bogħod minn Quiriguá li K'ak' Tiliw Chan Yopaat ma beżax li jaqa' direttament taħt is-setgħa tagħha bħala stat vassall sħiħ, anke jekk x'aktarx li Calakmul bagħtet xi ġellieda biex tgħin fit-telfa ta' Copán. Minflok, l-alleanza milli jidher kienet waħda ta' vantaġġi reċiproċi: Calakmul irnexxielha ddgħajjef alleat setgħan ta' Tikal filwaqt li Quiriguá kisbet l-indipendenza tagħha.[63]
Kollass
immodifikaĦames steli kbar ittellgħu fis-741, għalkemm isem ir-re responsabbli ma jinqarax fuq il-ħamsa li huma u tlaqqam bħala l-Mexxej Y. Il-preżenza ta' Calakmul fir-reġjun usa' tal-Maja kompliet tmajna bit-telfa li ġarrbu żewġ alleati kbar tal-belt kontra Tikal. El Peru tilfet fis-743 u Naranjo tilfet sena wara. Dan irriżulta fil-kollass finali tan-network ta' alleanzi ta' Calakmul li xi darba kien daqstant setgħan, filwaqt li Tikal reġgħet kisbet poter kbir.[64]
Fis-751 il-Mexxej Z tella' stele li qatt ma tlestiet, flimkien ma' oħra bir-ritratt ta' reġina. Taraġ bil-ġeroglifiċi jsemmi lil xi ħadd imsejjaħ B'olon K'awiil bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien. B'olon K'awiil kien re sas-771 meta tella' żewġ steli u ssemma f'Toniná fis-789. Is-siti fit-Tramuntana ta' Calakmul esperjenzaw tnaqqis fl-influwenza tagħha sa dan iż-żmien, u tfaċċaw stili arkitettoniċi ġodda influwenzati minn siti ferm iktar fit-Tramuntana fil-Peniżola tal-Yucatan.[64]
Fis-790 inbena monument għalkemm isem il-mexxej responsabbli ma ġiex ippreservat. Fit-800 inbnew tnejn oħra u fit-810 inbnew tlieta oħra. L-ebda monument ma nbena biex ifakkar it-tmiem importanti tal-Bak'tun tat-830 u jista' jkun li l-awtorità politika kienet diġà kkrollat sa dak iż-żmien. Bliet importanti bħal Oxpemul, Nadzcaan u La Muñeca li xi darba kienu vassalli ta' Calakmul, issa kienu qed itellgħu l-monumenti tagħhom stess, fejn qabel ma tantx kienu tellgħu wisq; uħud minnhom baqgħu jipproduċu monumenti ġodda saħansitra sat-889. Dan kien proċess parallel għall-avvenimenti li seħħew f'Tikal. Madankollu, hemm evidenza b'saħħitha ta' preżenza tal-elit fil-belt sad-900 W.K., u possibbilment anke wara.[64]
Fit-849, Calakmul issemmiet f'Seibal fejn mexxej jismu Chan Pet attenda ċ-ċerimonja ta' tmiem il-K'atun; ismu jaf ġie rreġistrat ukoll fuq biċċa ċeramika miksura f'Calakmul stess. Madankollu, wisq probabbli Calakmul ma kinitx għadha teżisti bħala stat importanti sa dan iż-żmien. L-aħħar mewġa ta' attivitajiet seħħet fl-aħħar tas-seklu 9 jew fil-bidu tas-seklu 10. Stele ġdida ttellgħet, għalkemm id-data tirreġistra biss il-jum, mhux id-data sħiħa. Il-jum irreġistrat jaf kien fit-899 jew fid-909, wisq probabbli din tal-aħħar. Hemm ftit monumenti li nbnew saħansitra wara, għalkemm l-istil tagħhom huwa pjuttost grezz, u jirrappreżentaw l-isforzi tal-kumplament ta' popolazzjoni li ppruvat iżżomm it-tradizzjoni Klassika tal-Maja. Anke l-kitbiet imnaqqxa fuq dawn il-monumenti huma imitazzjonijiet bla sens tal-kitba ġeroglifika tal-imgħoddi.[64]
Il-bċejjeċ taċ-ċeramika li jmorru lura għall-perjodu Klassiku Terminali mhumiex komuni 'l barra mill-qalba tas-sit, u dan jissuġġerixxi li l-popolazzjoni tal-belt kienet ikkonċentrata fiċ-ċentru tal-belt fl-aħħar fażi tal-okkupazzjoni ta' Calakmul. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni li kienet għadha ħajja x'aktarx li kienet tikkonsisti minn nies ordinarji li kienu okkupaw l-arkitettura tal-elit tal-qalba tas-sit, iżda t-tlugħ kontinwu ta' steli sal-bidu tas-seklu 10 u l-preżenza ta' oġġetti importati ta' status għoli bħal metall, ossidjana, ġada u qxur tal-baħar, jindikaw okkupazzjoni kontinwa minn xi familja rjali sal-abbandun finali tal-belt. Il-Maja ta' Kejache li jitkellmu bil-lingwa Maja tal-Yucatan u li għexu fir-reġjun għall-ħabta tal-kuntatt mal-Ispanjoli fil-bidu tas-seklu 16 jaf kienu d-dixxendenti tal-abitanti ta' Calakmul.[65]
Storja moderna
immodifikaCalakmul ġiet irrapportata għall-ewwel darba minn Cyrus Lundell fl-1931. Sena wara huwa informa lil Sylvanus Morley bl-eżistenza tas-sit u bil-preżenza ta' iktar minn 60 stele. Morley żar il-fdalijiet hu stess f'isem l-Istitut ta' Carnegie ta' Washington fl-1932. Fis-snin 30 tas-seklu 20 saru stħarriġiet li mmappjaw il-qalba tas-sit u li rreġistraw 103 steli. L-investigazzjonijiet waqfu fl-1938 u l-arkeologi ma reġgħux lura fis-sit qabel l-1982 meta William J. Folan mexxa proġett f'isem l-Università Awtonoma ta' Campeche, u baqa' jaħdem f'Calakmul sal-1994. F'Calakmul attwalment qed isir proġett fuq skala kbira tal-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja (INAH) taħt it-tmexxija ta' Ramón Carrasco.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Belt Antika tal-Maja u l-Foresti Tropikali Protetti ta' Calakmul ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002 u fl-2014 saret modifika fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[66]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' sitt kriterji tal-għażla kulturali u naturali tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[66]
Biblijografija
immodifika- Braswell, Geoffrey E.; Gunn, Joel D.; Dominguez Carrasco, María del Rosario; Folan, William J.; Fletcher, Laraine A.; Morales López, Abel; Glascock, Michael D. (2005). "Defining the Terminal Classic at Calakmul, Campeche". In Arthur A. Demarest; Prudence M. Rice; Don S. Rice (eds.). The Terminal Classic in the Maya lowlands: Collapse, transition, and transformation. Boulder: University Press of Colorado. pp. 162–194. ISBN 0-87081-822-8. OCLC 61719499.
- Domínguez, María del Rosario; William J. Folan (1996). J.P. Laporte; H. Escobedo (eds.). "Calakmul, México: Aguadas, bajos, precipitación y asentamiento en el Petén Campechano" (PDF). IX Simposio de Investigaciones Arqueológicas en Guatemala, 1995 (bl-Ispanjol). Guatemala: Museo Nacional de Arqueología y Etnología: 147–173.
- Drew, David (1999). The Lost Chronicles of the Maya Kings. Londra: Weidenfeld & Nicolson. ISBN 0-297-81699-3. OCLC 43401096.
- Fahsen, Federico (2002). "Rescuing the Origins of Dos Pilas Dynasty: A Salvage of Hieroglyphic Stairway #2, Structure L5-49". The Foundation Granting Department: Reports Submitted to FAMSI. Foundation for the Advancement of Mesoamerican Studies, Inc. (FAMSI).
- Folan, William S.; Joyce Marcus; Sophia Pincemin; Maria del Rosario Dominguez Carrasco; Loraine Fletcher & Abel Morales Lopez (December 1995a). "Calakmul: New Data from an Ancient Maya Capitol in Campeche, Mexico". Latin American Antiquity. 6 (4): 310–334. doi:10.2307/971834. JSTOR 971834.
- Folan, William J.; Joyce Marcus; W. Frank Miller (1995b). "Verification of a Maya Settlement Model through Remote Sensing". Cambridge Archaeological Journal. Cambridge University Press. 5 (2): 277–283. doi:10.1017/S0959774300015067.
- Folan, William J. (2001). ""Calakmul"". In Davíd Carrasco (ed.). The Oxford Encyclopedia of Mesoamerican Cultures, Vol. I, New York: Oxford University Press. ISBN 9780195108156. OCLC 1169898498.
- Hammond, Norman (2000). "The Maya Lowlands: Pioneer Farmers to Merchant Princes". In Richard E.W. Adams; Murdo J. Macleod (eds.). The Cambridge History of the Native Peoples of the Americas, Vol. II: Mesoamerica, part 1. Cambridge, UK: Cambridge University Press. pp. 197–249. ISBN 0-521-35165-0. OCLC 33359444.
- Looper, Matthew G. (2003). Lightning Warrior: Maya Art and Kingship at Quirigua. Linda Schele series in Maya and pre-Columbian studies. Austin: University of Texas Press. ISBN 0-292-70556-5. OCLC 52208614.
- Martin, Simon (October 2005), "Recently Uncovered Murals and Facades at Calakmul", The Maya Mural Symposium
- Martin, Simon; Nikolai Grube (2000). Chronicle of the Maya Kings and Queens: Deciphering the Dynasties of the Ancient Maya. London and New York: Thames & Hudson. ISBN 0-500-05103-8. OCLC 47358325.
- Miller, Mary Ellen (1999). Maya Art and Architecture. London and New York: Thames & Hudson. ISBN 0-500-20327-X. OCLC 41659173.
- Reents-Budet, Dorie; Antonia E. Foias; Ronald L. Bishop; M. James Blackman & Stanley Guenter (2007). J.P. Laporte; B. Arroyo & H. Mejía (eds.). "Interacciones políticas y el Sitio Ik' (Motul de San José): Datos de la cerámica" (PDF). XX Simposio de Investigaciones Arqueológicas en Guatemala, 2006 (bl-Ispanjol). Museo Nacional de Arqueología y Etnología, Guatemala: 1416–1436.
- Rice, Prudence M.; Don S. Rice (2005). "Sixteenth- and Seventeenth-Century Maya Political Geography". In Susan Kepecs; Rani T. Alexander (eds.). The Postclassic to Spanish-Era Transition in Mesoamerica: Archaeological Perspectives. Albuquerque, New Mexico, USA: University of New Mexico Press. ISBN 9780826337399. OCLC 60550555.
- Salisbury, David; Mimi Koumenalis; Barbara Moffett (2002). "Newly revealed hieroglyphs tell story of superpower conflict in the Maya world" (PDF). Exploration: The Online Research Journal of Vanderbilt University. Nashville, TN: Vanderbilt University Office of Science and Research Communications. OCLC 50324967.
- Schele, Linda; David Freidel (1990). A Forest of Kings: The Untold Story of the Ancient Maya. New York: William Morrow and Company. ISBN 0-688-11204-8. OCLC 24501607.
- Sharer, Robert J.; Loa P. Traxler (2006). The Ancient Maya (6th (fully revised) ed.). Stanford, CA: Stanford University Press. ISBN 0-8047-4817-9. OCLC 57577446.
- Stuart, David; George Stuart (2008). Palenque: Eternal City of the Maya. Londra: Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-05156-6. OCLC 227016561.
- Webster, David L. (2002). The Fall of the Ancient Maya: Solving the Mystery of the Maya Collapse. Londra: Thames & Hudson. ISBN 0-500-05113-5. OCLC 48753878.
Iktar qari
immodifika- Boucher Le Landais, Sylviane (Jul–Aug 2014). "Vasijas estilo códice de Calakmul: Narraciones mitológicas y contextos arqueológicos". Arqueología Mexicana (bl-Ispanjol). Belt tal-Messiku, il-Messiku: Editorial Raíces. XXII (128): 58–65. ISSN 0188-8218. OCLC 29789840.
- Carrasco, Ramón; María Cordeiro (2014). "El origen de la montaña". Arqueología Mexicana (bl-Ispanjol). Belt tal-Messiku, il-Messiku: Editorial Raíces. XXII (128): 41–45. ISSN 0188-8218. OCLC 29789840.
- Carrasco, Ramón; María Cordeiro (2014). "Chick Naab: La pintura mural de Calakmul". Arqueología Mexicana (bl-Ispanjol). Belt tal-Messiku, il-Messiku: Editorial Raíces. XXII (128): 46–51. ISSN 0188-8218. OCLC 29789840.
- Salvador Rodríguez, Eduardo (Jul–Aug 2014). "La ciudad de Calakmul". Arqueología Mexicana (bl-Ispanjol). Belt tal-Messiku, il-Messiku: Editorial Raíces. XXII (128): 28–35. ISSN 0188-8218. OCLC 29789840.
- Valencia Rivera, Rogelio; Octavio Q. Esparza Olguín (Jul–Aug 2014). "La conformación política de Calakmul durante el Clásico Temprano". Arqueología Mexicana (bl-Ispanjol). Belt tal-Messiku, il-Messiku: Editorial Raíces. XXII (128): 36–40. ISSN 0188-8218. OCLC 29789840.
- Zimmermann, Mario (2014). "Los nuevos hallazgos en la Estructura III". Arqueología Mexicana (bl-Ispanjol). Belt tal-Messiku, il-Messiku: Editorial Raíces. XXII (128): 52–57. ISSN 0188-8218. OCLC 29789840.
Referenzi
immodifika- ^ 1491: New Revelations of the Americas Before Columbus (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ a b Martin & Grube 2000, p. 104.
- ^ Sharer & Traxler 2006, p. 356. Folan et al. 1995a, p. 310.
- ^ Folan et al 1995a, p. 313.
- ^ Folan et al. 1995a, p. 311.
- ^ Sharer and Traxler 2006, p. 356.
- ^ Folan et al 1995a, p. 310.
- ^ Braswell et al. 2005, p. 167.
- ^ Braswell et al. 2005, p. 165.
- ^ Folan, William J. "Calakmul." In Davíd Carrasco (ed). The Oxford Encyclopedia of Mesoamerican Cultures, Vol 1. New York: Oxford University Press, 2001. ISBN 9780195108156, 9780195188431.
- ^ Braswell et al. 2005, p. 171.
- ^ Braswell et al. 2005, pp. 164, 188.
- ^ Braswell et al. 2005, p. 170.
- ^ Braswell et al. 2005, p. 162.
- ^ Schele u Freidel 1990, pp. 456–457 n.21.
- ^ Nikolai Grube, "Hieroglyphs" in Divine Kings of the Rain Forest (Könemann, 2000), 115f; 120.
- ^ Martin & Grube 2000, pp. 101, 104.
- ^ Martin & Grube 2000 p. 113.
- ^ Martin, S. (2005). Of Snakes and Bats: Shifting Identities At Calakmul. The PARI Journal, 6(2), 5-15.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 101. Braswell et al. 2005, p. 162.
- ^ Webster 2002, pp. 168-169.
- ^ Sharer & Traxler 2006, p. 495.
- ^ Sharer & Traxler 2006, pp. 495-496.
- ^ Sharer & Traxler 2006, p. 496.
- ^ a b Sharer & Traxler 2006, p. 497.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 103.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 102. Sharer & Traxler 2006, p. 357.
- ^ Folan et al. 1995a, p. 326.
- ^ Martin & Grube 2000, pp. 103-104.
- ^ Miller 1999, p. 89.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 105.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 105, 159-160. Stuart & Stuart 2008, pp. 140-141, 143.
- ^ Stuart & Stuart 2008, p. 141.
- ^ Stuart & Stuart 2008, p. 142.
- ^ Martin & Grube 2000, pp. 105, 161. Stuart & Stuart 2008, p. 142.
- ^ Stuart & Stuart 2008, p. 145.
- ^ Stuart & Stuart 2008, p. 143.
- ^ a b Martin & Grube 2000, p. 106.
- ^ Martin, Simon (2005). "Of Snakes and Bats: Shifting Identities at Calakmul". PARI Journal. 6 (2): 5–15.
- ^ Stuart, David (2012-06-30). "Notes on a New Text from La Corona". Maya Decipherment (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-16.
- ^ a b Martin & Grube 2000, p. 108.
- ^ Salisbury et al. 2002, p. 1.
- ^ Salisbury et al. 2002, pp. 2-3.
- ^ Sharer & Traxler 2006, p. 387.
- ^ Salisbury et al. 2002, p. 2. Sharer & Traxler 2006, p. 387.
- ^ Webster 2002, p. 276.
- ^ Hammond 2000, p. 220.
- ^ Reents-Budet et al. 2007, p. 1421. Martin & Grube 2000, pp. 45-46.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 109.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 110.
- ^ Martin & Grube 2000, pp. 110-111.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 111.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 112.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 113.
- ^ Martin & Grube 2000, p. 114.
- ^ Drew 1999, p. 241. Looper 2003, p. 79.
- ^ Drew 1999, p. 241.
- ^ Looper 2003, p. 79. Sharer & Traxler 2006, p. 482.
- ^ Looper 2003, p. 79.
- ^ Webster 2002, p. 300. Drew 1999, p. 240.
- ^ Looper 2003, p. 78.
- ^ Miller 1999, pp. 134–135. Looper 2003, p. 76.
- ^ Looper 1999, p. 271. Looper 2003, p. 81.
- ^ a b ċ d Martin & Grube 2000, p. 115.
- ^ Rice u Rice 2005, p. 152.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient Maya City and Protected Tropical Forests of Calakmul, Campeche". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-16.