Ċittadella Imperjali ta' Thăng Long

ċittadella imperjali antika f'Hanoi, il-Vjetnam

Iċ-Ċittadella Imperjali ta' Thăng Long (bil-Vjetnamiż: Hoàng thành Thăng Long; Hán-Nôm: 皇城昇龍) hija kumpless ta' binjiet imperjali storiċi fiċ-ċentru ta' Hanoi, il-Vjetnam. Iċ-ċittadella imperjali nbniet fl-1011 matul ir-renju tal-Imperatur Lý Thái Tổ tad-dinastija Lý.

It-Torri tal-Bandiera ta' Hanoi

Storja immodifika

Il-kompartiment irjali nbena għall-ewwel darba matul ir-renju tad-dinastija Lý (1010) u sussegwentement ġie mkabbar mid-dinastiji Trần, Lê u Nguyễn. Iċ-ċittadella baqgħet is-sede tal-qorti imperjali tal-Vjetnam sal-1810, meta d-dinastija Nguyễn għażlet li tittrasferixxi l-belt kapitali lejn Huế. Il-fdalijiet taċ-ċittadella bejn wieħed u ieħor jikkoinċidu mal-limiti taċ-Ċittadella attwali ta' Hanoi.

 
Il-Palazz ta' Kính Thiên Palace li ġie meqrud mill-armata kolonjali Franċiża

Il-palazzi rjali u l-biċċa l-kbira tal-istrutturi f'Thăng Long kienu jinsabu f'qagħdiet varji ta' telqa sal-aħħar tas-seklu 19 bit-taqliba tal-ħakma ta' Hanoi mill-Franċiżi. Sas-seklu 20 ħafna mill-istrutturi li kien għad fadal twaqqgħu jew iġġarrfu. Il-fdalijiet tal-pedamenti taċ-Ċittadella Imperjali ta' Thăng Long bdew jiġu skavati b'mod sistematiku fis-seklu 21 biss.

F'nofs l-1945, iċ-ċittadella ntużat mill-Armata Ġappuniża Imperjali biex 4,000 suldat kolonjali Franċiż li nqabdu matul il-kolp ta' stat Ġappuniż fl-Indoċina Franċiża f'Marzu 1945 jinżammu taħt priġunerija.[1]

Is-settur ċentrali taċ-ċittadella imperjali tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-31 ta' Lulju 2010 fis-sessjoni li saret fil-Brażil bit-titlu "Is-Settur Ċentrali taċ-Ċittadella Imperjali ta' Thăng Long – Hanoi".[2]

Fdalijiet immodifika

 
Mappa ta' Hanoi bil-kontorn kwadrilaterali li jintgħaraf sew taċ-ċittadella imperjali

Il-biċċa l-kbira tal-palazzi u tal-binjiet irjali ġew meqruda fl-aħħar tas-seklu 19. Il-ftit strutturi li għad baqa' fi ħdan il-kompartiment irjali huma l-Bieb ta' Doan Mon, li jimmarka d-daħla tan-Nofsinhar tal-palazz irjali, it-Torri tal-Bandiera, it-taraġ tal-Palazz ta' Kinh Thiên u l-Palazz tal-Prinċipessa (bil-Vjetnamiż: Hậu Lâu).

Il-fdalijiet taċ-ċittadella imperjali ġew skopruti fis-sit preċedenti tas-Sala ta' Ba Đình meta l-istruttura twaqqgħet fl-2008 biex ikun jista' jinbena' l-bini l-ġdid tal-parlament. Instabu diversi fdalijiet arkeoloġiċi li issa qed jintwerew fil-Mużew Nazzjonali. Sa issa ġie skavat porzjon żgħir biss taċ-Ċittadella Imperjali ta' Thăng Long.

Torri tal-Bandiera ta' Hanoi immodifika

Fost l-istrutturi marbuta maċ-Ċittadella Imperjali hemm it-Torri tal-Bandiera ta' Hanoi (bil-Vjetnamiż: Cột cờ Hà Nội). B'għoli ta' 33.4 metru (41 metru bil-bandiera), sikwit jintuża bħala simbolu tal-belt. It-torri nbena fl-1812 matul id-dinastija Nguyễn, u għad-differenza ta' bosta strutturi oħra f'Hanoi, ħelisha ħafif matul il-ħakma kolonjali Franċiża (1885-1954) peress li ntuża bħala binja militari.

Bieb tat-Tramuntana immodifika

Hawn taħt wieħed jista' jqabbel id-differenzi bejn il-faċċati tal-Bieb tat-Tramuntana fl-1885 (xellug) u fl-2009 (lemin). Fl-1885 quddiem il-faċċata tal-bieb kien hemm ħandaq bl-ilma. Fir-ritratt tan-nofs wieħed jista' jara kif kien jidher il-Bieb tat-Tramuntana minn ġoċ-ċittadella imperjali fl-1885.

D67: mina u dar immodifika

Mill-1954 sal-1975, l-Armata tal-Poplu tal-Vjetnam kellha l-kwartieri ġenerali tagħha fi ħdan iċ-ċittadella, bil-kodiċi D67. Mina ta' kollegament kienet tagħmilha possibbli li f'każ ta' attakk tkun tista' ssir evakwazzjoni ta' emerġenza. Fit-Tramuntana tas-Sala ta' Kinh Thiên hemm id-dar li kienet tintuża bħala kwartieri ġenerali kif ukoll il-mina.[3]

Sabiex it-turisti jkunu jistgħu jżuru dan is-sit storiku, iridu jixtru biljett tad-dħul li jiswa VND 30,000. L-istudenti u l-anzjani jħallsu VND 15,000. Id-dar bil-kodiċi D67 inbniet fl-1967, bi stil arkitettoniku modern, ħajt oħxon 60 ċentimetru u sistema tajba ta' soundproofing. F'din id-dar jintwerew l-għodod li l-kumpanni fil-Politburo u fil-Kummissjoni Militari Ċentrali, fil-Ministeru għad-Difiża u l-Persunal Ġenerali użaw fil-gwerra tar-reżistenza kontra l-Istati Uniti.

Mal-ġenb tat-taraġ li kien jagħti għall-Palazz ta' Kính Thiên qabel iġġarraf hemm draguni mnaqqxin tal-ġebel (xellug). Id-dar bil-kodiċi D67 kienet tintuża bħala l-kwartieri ġenerali militari tal-Ġeneral Giáp matul il-gwerra (lemin).

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Is-Settur Ċentrali taċ-Ċittadella Imperjali ta' Thăng Long – Hanoi ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

 
Đoan Môn, il-bieb prinċipali tal-kumpless tal-palazz tal-imperaturi tad-dinastija Lê

Mużew immodifika

Mis-sena 2000, uħud mill-barrakki u mill-binjiet Franċiżi antiki twaqqgħu biex jagħmlu spazju għall-mużew il-ġdid fi ħdan iċ-ċittadella imperjali.

Referenzi immodifika

  1. ^ Williams, Kenneth (2019). "The US Air Force in Southeast Asia and the Vietnam War A Narrative Chronology Volume I: The Early Years through 1959 (PDF)" (PDF). Air Force History and Museums Program.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Central Sector of the Imperial Citadel of Thang Long - Hanoi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-09.
  3. ^ admin (2015-09-04). "D67 Tunnel Relic In Thang Long Citadel" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-09.