San Bażilju l-Kbir (Kappadoċja, 330 w.K. - 379 w.K.) kien wieħed mis-Santi Padri Insara tal-Knisja tal-Lvant.

San Bażilju l-Kbir
Twelid 329
Ċesarea fil-Kappadoċja
Mewt 1 ta' Jannar, 379
Ċesarea fil-Kappadoċja
Festa 1 ta' Jannar fil-Lvant, 2 ta' Jannar fil-Punent
Attributi ilbies ta' iskof Grieg
Patrun/a l-ordni tal-patrijiet Bażiljani, ħaddiema fl-isptarijiet, riformaturi, il-Kappadoċja

Fost il-Missirijiet kollha tal-Knisja tal-Kappadoċċa kien San Bażilju waħdu li ngħata t-titlu ta’ ‘il-Kbir’. Fil-fatt San Bażilju kien tassew kbir mhux biss għax kien organizzatur kapaċi fil-Knisja imma wkoll minħabba l-ħila li kellu biex jagħti interpretazzjoni tajba u ġenwina tat-tagħlim Kattoliku. Barra minn hekk hu kien wieħed mill-Missirijiet l-iktar important tal-monakiżmu fl-Orjent u rnexxielu jirriforma l-liturġija tal-Knisja Griega u jreġġagħha lura lejn is-sempliċita’ li kellha fil-bidu.

Tfulija u Studju immodifika

San Bażilju twieled madwar is-sena 330 f’Ċesarija tal-Kappadoċja, fl-Asja Minuri fin-nofsinhar tat-Turkija tal-lum, minn familja magħrufa kemm għall-ispirtu nisrani u kemm għan-nobbilta’ tagħha. Missieru, li wkoll kien jismu Bażilju u li kien magħruf bħala għalliem tar-rettorika fin-Neoċesarija, kien dak li tah l-ewwel tagħlim. Ommu kien jisimha Emmelja u kienet bint martri. Mill-għaxart itfal li kellha, tlieta saru Isqfijiet u iktar tard qaddisin. Dawn kienu: San Bażilju, San Girgor ta’ Nissa u San Pietru ta’ Sebaste.

San Bażilju għamel l-istudji tiegħu superjuri tar-retorika l-ewwel f’Ċesarija, wara f’Kostantinopli u fl-aħħar, meta hu diġa’ kellu wieħed u għoxrin sena jew iżjed, f’Ateni. Waqt li kien f’Ateni, iltaqa’ ma’ Girgor ta’ Nażjanże, għamel ħbieb miegħu u baqa’ jżomm din il-ħbiberija qaddisa tul għomru kollu. Qrib is-sena 356, meta hu kellu madwar sitta u għoxrin sena, Bażilju reġa’ lura lejn il-belt ta’ Ċesarija li fiha twieled u beda jgħallem ir-rettorika, imma fi żmien qasir irriżenja u ta ruħu għall-perfezzjoni axxetika wara li kkonverta u tgħammed (357).

Mill-Magħmudija għal Isqof immodifika

 
Basilii Magni Opera, 1540

Tgħammed meta kellu madwar ħamsa u għoxrin sena u mill-ewwel interessa ruħu fil-ħajja axxetika. Bl-iskop li jkollu quddiemu l-eżempju ta’ ħafna axxeti ta’ żmienu, għamel vjaġġ twil li ħadu fl-Eġittu, fil-Palestina, fis-Sirja u fil-Mesopotamja. Wara li reġa’ lura f’Ċesarija tal-Kappadoċja, Bażilju qassam ġidu lill-fqar u nġabar f’eremitaġġ li hu għamel qrib Neoċesarija, fuq l-Iris. Ftit wara, xi ħbieb tiegħu ngħaqdu miegħu fl-istess eremitaġġ.

Fis-sena 358 mar iżuru Girgor ta’ Nażjanże u t-tnejn flimkien għamlu antoloġija tal-opri ta’ Oriġene taħt it-titlu ta’ Filocalia (L-imħabba lejn il-ħwejjeġ sbieħ). Miegħu kiteb ukoll żewġ regoli bħala gwida għall-ħajja komunitarja fil-monasteru. Minħabba f’hekk San Bażilju beda jitqies bħala l-leġislatur tal-monakiżmu Grieg. Imbagħad fi żmien qasir hu waqqaf diversi monasteri.

Qrib is-sena 364 l-Isqof Ewsebju, Metropolita ta’ Ċesarija, ipperswada lil Bażilju biex isir saċerdot. Wara li ħa l-ordni sagri, Bażilju beda jgħin lill-Isqof Ewsebju bħala kunsillier u assistent tiegħu, u taha għall- interpretazzjoni tal-Iskriturra fil-predikazzjoni u fil-kitba. Hekk ġara li meta fis-sena 370 miet l-Isqof Ewsebju, Bażilju sar Isqof ta’ Ċesarija minfloku u Metropolita tal-Kappadoċja.

Hekk kif sar Isqof, Bażilju ta bidu għal riforma fid-djoċċesi tiegħu. Hu bena ħafna sptarijiet għall-morda u għall-vittmi tal-epidemiji li kienu komuni minħabba l-faqar u n-nuqqas ta' iġjene. Bena wkoll djar għall-vjaġġaturi u għall-barranin li kienu jinzertaw f’pajjiżu.

Fi żmien Bażilju l-Istat kien iħaddan l-Arjaniżmu, u għalhekk l-Isqof dejjem kellu għadma iebsa fir-relazzjoni tiegħu mal-mexxejja lokali. Fl-azzjonijiet kollha tiegħu, Bażilju wera li kien prudenti min-naħa l-waħda, imma wkoll kien jaf ikun iebes quddiem l-intimidazzjoni ta’ l-Imperatur Valente u tal-Prefetti tiegħu. Valente spiċċċċa biex bagħat lill-Prefett Mudest għand l-Isqof Bażilju ħalli jheddu li, sakemm ma kienx se jagħtih dikjarazzjoni ffirmata minnu li hu jħaddan l-Arjaniżmu, hu kien se jeżiljah u jaħtaf taħt idejh il-ġid kollu tiegħu, mobbli u immobbli. Meta l-Imperatur Valente ra xi bniedem ta’ kuraġġ kien Bażilju, ma baqax jitlob minnu d-dikjarazzjoni favur is-setta arjana, u rtira d-digriet ta’ l-eżilju li kien ħejja għal Bażilju.

Bażilju kien jinkwieta ħafna quddiem il-problema tan-nuqqas ta’ għaqda bejn il-Knisja Orjentali u dik Oċċidentali, u dan mhux biss fost il-lajċi nsara imma wkoll fost il-kleru u l-istess Isqfijiet. Minħabba f’hekk hu talab lil Atanasju biex flimkien miegħu jkun jista’ jtejjeb ir-relazzjoni bejn Ruma u l-Orjent. Hu spiċċċċa biex kiteb ittra lill-Papa Damasu li fiha fissirlu l-qagħda iebsa li kienu fiha l-Knejjes Orjentali, u saħansitra talbu biex imur u jżurhom personalment (Ittra 70).