San Ġennaru (Caroniti, 272Pozzuoli, 19 ta' Settembru 305) kien Isqof ta' Benevento, fl-Italja, li skond it-tradizzjoni, fi żmien il-persekuzzjoni ta' Djoklezjanu miet martri flimkien ma' sitta oħra fosthom id-Djaknu u l-Lettur tiegħu, billi wara li kkundannawhom għall-mewt, tefugħom lill-iljuni fl-amfiteatru ta' Pozzuoli, fis-sena 305, iżda peress li l-iljuni ma missewhomx, qatluhom bil-qtugħ tar-ras. San Ġennaru huwa l-Patrun ewlieni ta' Napli, li fil-Katidral t'hemm jinsab demm magħqud, li t-tradizzjoni tgħid li huwa tal-qaddis u li jinħall tliet darbiet f'sena.

San Ġennaru

Il-"Miraklu" tad-Demm ta' San Ġennaru immodifika

Dan id-demm magħqud li hu miżmum f'kunjett issiġillat, jinħall tliet darbiet fis-sena waqt ċerimonja solenni mmexxija mill-Kardinal ta' Napli u li għaliha n-Naplitani jattendu bi ħġarhom:

  • is-Sibt qabel l-ewwel Ħadd ta' Mejju, l-anniversarju ta' meta r-relikwi tal-Qaddis inġiebu f'Napli, sa tmint ijiem wara
  • fid-19 ta' Settembru, nhar il-festa tiegħu, u fl-ottava ta' wara
  • u fis-16 ta' Diċembru b'tifkira ta' meta bl-interċessjoni tal-Qaddis Napli ġiet meħlusa mill-qerda li nisslu l-eruzzjonijiet tal-Vessuvju fis-sena 685.

Skond il-leġġenda, dan id-demm inħall għall-ewwel darba fi żmien Kostantinu, meta l-isqof trasferixxa l-fdalijiet tal-qaddis mill-Agro Marciano, fejn kienu midfun, sa Napli. Matul it-traġitt ħarġet Ewsebja bid-demm tal-qaddis: u kif il-kranju tal-qaddis ġie bi drittu, id-demm inħall. Iżda storikament, l-ewwel darba li tissemma r-relikwja tad-demm ta' San Ġennaru huwa fl-1389, meta fis-17 t'Awwissu, id-demm inħall "qisu kien ħiereġ mill-korp tal-qaddis dakinhar stess".

Jekk id-demm jinħall, dan jitqies min-Naplitani bħala riżq tajjeb, filwaqt li jekk ma jinħallx, jibdew jibżgħu minn xi traġedja li tkun għadha ġejja. Meta d-demm jinħall, il-Kardinal jerfa' t-teka, u jdawwarha minn naħa għal oħra biex juri li nħall u l-fidili jersqu biex ibusuha.

Il-Knisja Kattolika ma tqisx il-likwefazzjoni tad-demm bħala miraklu bħala "un fatto mirabolante ritenuto prodigioso dalla tradizione religiosa popolare, essendo impossibile, allo stato dell'attuale conoscenza dei fatti, un giudizio scientifico attestante la non spiegabilità scientifica del fenomeno della liquefazione."

L-ewwel analiżi xjentifika, imsejħa spettroskopika, saret mill-professuri Sperindeo u Januario fl-1902 u sabet li hu emoglobina, jiġifieri demm. L-istess esperiment sar l-aħħar fl-1988 u reġa' kien konfermat li hu demm. Iċ-CICAP, grupp ta' xjenzati tal-Comitato Italiano per il Controllo delle Affermazioni sul Paranormale, issostni li b'sustanza tissotropika magħmula minn sustanzi ta' dik l-epoka tista' ġġib l-istess effetti tad-"demm" ta' San Ġennaru.

Ħoloq esterni immodifika