Promontorju ta' Putorana

sistema ta' ktajjen muntanjużi u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-Russja

Il-Promontorju ta' Putorana (bir-Russu: Плато Путорана, b'ittri Rumani: Plato Putorana; jew il-Muntanji ta' Putorana) huwa żona muntanjuża fil-Federazzjoni Russa. Huwa promontorju kbir b'diversi ktajjen muntanjużi. L-eqreb insedjament kbir huwa Norilsk, fejn l-ivvjaġġar tal-barranin huwa ristrett. Il-belt hija moqdija mill-Ajruport ta' Alykel.

Il-pajsaġġ tal-Promontorju ta' Putorana.

Iż-żona tal-muntanji fiha l-ikbar depożiti magħrufa tan-nikil fid-dinja.

Ġeografija immodifika

Il-Promontorju ta' Putorana huwa promontorju fl-għoli bil-ktajjen muntanjużi fil-qrib fit-tarf tal-Majjistral tal-Promontorju Siberjan Ċentrali. Jinsab fil-Lvant tal-wied tax-xmara Yenisei, bejn 67° u 70° N ta' latitudni, fil-Lbiċ tal-Promontorju ta' Anabar, fit-Tramuntana tal-promontorji ta' Syverma u ta' Tunguska u fin-Nofsinhar tal-Art Baxxa tat-Tramuntana tas-Siberja.[1] Il-ktajjen muntanjużi prinċipali tal-Promontorju ta' Putorana huma l-Katina Muntanjuża ta' Keta, Lontokoisky Kamen, il-Katina Muntanjuża ta' Kharayelakh, Chaya-Ayan, Brus Kamen, u l-Katina Muntanjuża ta' Lama, fost l-oħrajn. L-ogħla muntanja fis-sistema tal-ktajjen muntanjużi hija l-Muntanja ta' Kamen li hija 1,678 metru (5,505 piedi) 'il fuq mil-livell tal-baħar u hija wkoll l-ogħla punt tal-Promontorju Siberjan Ċentrali. Il-Kaskata ta' Talnikovy hija magħrufa bħala waħda mill-ogħla kaskati fl-Asja.[2]

Il-lagi fil-promontorju bħal Lag ta' Dyupkun u l-Lag ta' Lama huma kbar u jifformaw ekosistemi sħaħ, mifruxa fuq bosta għexieren ta' kilometri. L-isem ta' "Putorana" oriġina mil-lingwa nattiva tal-Evenki u jfisser "il-pajjiż tal-lagi bi xtut weqfin". L-iktar minn 25,000 lag huma fondi bejn 180 u 420 metru (590 u 1,400 pied), u flimkien jiffurmaw it-tieni l-ikbar ħażna ta' ilma ħelu fir-Russja bħala volum wara l-Lag ta' Baikal.[3]

Iċ-ċentru ġeografiku tar-Russja, il-Lag ta' Vivi, jinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-promontorju, fejn jiltaqa' mal-Promontorju ta' Syverma.

Ġeoloġija immodifika

Il-Promontorju ta' Putorana huwa magħmul l-iktar mill-bażalt tal-hekk imsejħa Nases Siberjani.[4]

Klima immodifika

Il-Promontorju ta' Putorana jinsab 'il fuq miċ-Ċirku Artiku. Il-klima hija klima sub-Artika qalila, ferm kontinentali, bi xtiewi kesħin u twal ħafna, u bi sjuf friski u qosra. Madankollu, f'ċerti widien bil-lagi, bħal dak tal-Lag ta' Lama, hemm mikroklima kemxejn iktar miti bis-saħħa li huma mkennija mill-ktajjen muntanjużi fil-qrib li jilqgħulhom l-irjieħ tat-Tramuntana. L-elevazzjonijiet ogħla fi ħdan il-promontorju jaqilbu ftit ftit għal klima tat-tundra.

Ir-rebbiegħa, is-sajf u l-ħarifa jinzertaw rispettivament fix-xhur ta' Ġunju, Lulju u Awwissu, u l-bqija tax-xhur huma tax-xitwa b'temperaturi bejn −32 °C (−26 °F) u −40 °C (−40 °F). F'Lulju, l-iżjed xahar sħun, it-temperatura medja tal-ajru tkun madwar 8 °C (46 °F) u tista' tilħaq massimu ta' 16 °C (61 °F). Il-preċipitazzjoni tkun bejn 500 millimetru (20 pulzier) u 800 millimetru (31 pulzier), u tinżel l-iktar fis-sajf bħala xita. Il-borra tinżel l-iktar fix-xitwa.

Żona protetta immodifika

Ir-Riżerva Naturali tal-Promontorju ta' Putorana, stabbilita fl-1988 u amministrata minn Norilsk, hija żona protetta li tkopri xi 1,887,251 ettaru (4,663,500 akru), b'żona ta' lqugħ ta' 1,773,300 ettaru (4,382,000 akru). Ġiet stabbilita biex tiġi mħarsa l-ikbar merħla ta' renni selvaġġi u ta' nagħaġ tal-borra fid-dinja.

F'Lulju 2010, il-Promontorju ta' Putorana tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala "sett komplut ta' ekosistemi sub-Artiċi u Artiċi f'sistema iżolata ta' ktajjen muntanjużi, li jinkludu taiga, tundra forestali, tundra u deżerti Artiċi mhux mimsusa, kif ukoll sistemi ta' lagi u ta' xmajjar mhux mimsusa bl-ilma kiesaħ".[5]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Il-Promontorju ta' Putorana ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[5]

Riżorsi naturali immodifika

Fost il-minerali tal-Promontorju ta' Putorana hemm blat bażaltiku igneu, minerali tal-ħadid (manjetit u ematit), silikati (preħnit u żeolit), apatiti, perovskiti u minerali tar-ram u tan-nikil b'saturazzjoni għolja. Ir-riżorsi naturali huma ppreżentati permezz ta' ilma u faħam abbundanti.[6]

Gallerija immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ Google Earth (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  2. ^ Oleg Leonidovič Kryžanovskij, A Checklist of the Ground-beetles of Russia and Adjacent Lands. p. 14.
  3. ^ "Топографическая карта R-45,46. Норильск". mapr45.narod.ru. Miġbur 2024-04-28.
  4. ^ Путорана, Great Soviet Encyclopedia in 30 vols. / Ch. ed. A.M. Prokhorov . - 3rd ed. - M, 1969-1978.
  5. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Putorana Plateau". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-28.
  6. ^ "Путорана плато, Ср. Сибирь_минералогические находки". geo.web.ru. Miġbur 2024-04-28.