Papat ta' Avignon

Il-Papat ta' Avignon jirreferi għar-residenza tal-Papa f'Avignon (Franza). Din ir-residenza 'l bogħod mir-residenza storika f'Ruma (l-Italja) minn żmien San Pietru, hi maqsuma f'żewġ perjodi konsekuttivi:

  • L-ewwel perjodu, mill-1309 sal-1378, dak tal-papat ta' Avignon proprju, jikkorrispondi għaż-żmien meta l-papa, rikonoxxut bħala l-uniku mexxej tal-Knisja Kattolika Rumana u l-qorti tiegħu kienu installati fil-belt ta' Avignon minflok f'Ruma.
  • It-tieni perjodu, mill-1378 sal-1418, jikkorrispondi max-Xiżma l-Kbira tal-Punent meta żewġ Papiet rivali (u forsi tlieta) riedu jirrenjaw fuq il-Kristjaneżmu, wieħed installat f'Ruma u wieħed f'Avignon.
Il-faċċata tal-Palazz tal-Papiet f'Avignon

Oriġini immodifika

Il-viżjoni politika tal-imperaturi tal-Imqaddes Imperu Ruman Ġermaniku immodifika

 
Ottun I u l-Papa Ġwanni XII, minjatura tal-1450

Fis-seklu 9 l-Imperu Karolinġjan sfaxxa. L-awtorità tar-re infexxet fix-xejn, l-iżjed minħabba li l-armata Karolinġjana kienet qiegħda tinħela fuq strateġija offensiva bl-organizzazzjoni ta' kampanji annwali biex jissottomettu lill-ġirien (fil-fatt biex iġegħluhom iħallsu t-tribut). Din il-loġistika tqila ma setgħetx tlaħhaq mal-attakki ta' malajr u bla waqfien mis-Saraċeni, il-Vikingi u l-Maġari, li l-vantaġġ ewlieni tagħhom kien il-mobbiltà[1]. Għalhekk, id-difiża kellha ssir fuq responsabbiltà lokali. Fis-seklu 10 il-kastelli infirxu ma' kullimkien, kultant illelagalment u s-sidien tagħhom kienu jipproteġu u jiggvernaw it-territorji ta' madwarhom[2]. F'dawn iż-żminijiet inċerti ta' invażjonijiet u gwerer privati kontinwi, l-abitanti kienu jinġabru fil-qrib tal-kastell u dan kien jilleġittima l-kastellan u l-bannu sinjorali. Il-kastellan kien jista' jimponi fuqhom taxxi, tributi, xogħol obbligatorju, u bannilitajiet (ħlas għall-użu bil-fors ta' tagħmir manorjali: fran, imtieħen ...) miġburin mis-surġenti tiegħu. Ta' dan, fil-kastell kien ikun hemm l-ikel maħżun għal meta kien ikollhom jiskennu fih fil-każ ta' sakkeġġ[2]. It-tentattivi biex jiġi nponut id-dritt tal-bannu fuq il-marġini tat-territorju kkontrollat u l-konflitti tas-suċċessjoni minħabba l-introduzzjoni reċenti tad-dritt tal-maġġurask spiċċaw regolarment fi gwerer privati[3].

Ottun I tal-Imperu Mqaddes li kien għeleb il-Maġġari fil-Battalja ta' Lechfeld, ħatar xi isqfijiet bħala vassalli u msaħħaħ bil-klijentela qawwija l-ġdida tiegħu seta' jrażżan il-prinċpijiet Ġermaniċi l-oħra. Hekk seta' jerġa' jibni l-imperu li l-qawwa tiegħu ma kellhiex daqsha fil-Punent u seta' jiffronta lill-papa Ġwanni XII bl-importanza tiegħu. Fit-2 ta' Frar, 962, ġie inkurunat f'Ruma mill-Papa Ġwanni XII. Ottun I ried jikkontrolla l-elezzjoni papali, u għal dan l-għan ippromulga l-privilegium Ottonianum fit-13 ta' Frar 962 li bih obbliga lill-papiet ġodda kollha li jiedħu ġurament quddiem l-imperatur jew delegat tiegħu qabel jiġu kkonsagrati[4]. Il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn dawn iż-żewġ poteri kienet tifavorixxi l-Imperatur: Filwaqt li ta xi privileġġi lis-Santa Sede, il-Privilegium Ottonianum qiegħed il-papa taħt it-tutela imperjali. Ottun I ma baqax lura li jniżżel minn papa permezz ta' Kunċilju lil Ġwanni XII li kien ilu jbixkel kontrih mid-963. Barra minn hekk insista li r-Rumani jieħdu ġurament li min ikollu x'jaqsam "ma jtellagħx u ma jaħtarx papa mingħajr il-kunsens tas-Sinjur Ottun jew ibnu" [4]. Allura l-imperatur sar jikkontrolla għal kollox l-elezzjoni tal-papa. Il-vantaġġi għalih kienu konsiderevoli. Ladarba seta' jistrieħ fuq il-kollaborazzjoni tal-papa, l-awtorità imperjali fuq il-knejjes lokali tal-Imqaddes Imperu Ruman saret garantita. L-imperatur imbagħad beda juża l-isqfijiet biex imexxulu l-imperu.

Bħal Ottun I, Ottun III wkoll kien jindaħal fl-affarijiet tal-papat. Beda biex jiżgura li jiġi elett kuġinuh Bruno fis-siġġu papali[5]. Ħeles mill-inkwiet bejn il-papa u n-nobbli Rumani. F'dokument li ħareġ f'Jannar tal-1001, ir-relazzjonijiet bejn il-Papa Silvestru II u l-Imperatur ġew definiti mill-ġdid. Ottun III għamilha ċara li d-Donazzjoni ta' Kostantinu kienet falza u rrifjuta li jikkonferma l-Privilegium Ottonianum . L-imperatur ta lill-papa tmien kontej ta' Pentapli, imma dawn kienu b'rigal u mhux bi dritt. L-Imperatur kien iqis lilu nnifsu bħala "lsir tal-appostli", ir-rappreżentant dirett ta' Pietru u responsabbli għall-wirt tiegħu. Hekk qiegħed lilu nifsu fuq l-istess livell bħall-Papa u xtaq jiggverna l-Kristjaneżmu u jippresiedi fuq is-sinodi[6].

Ir-riforma u l-espansjoni tal-Kristjaneżmu immodifika

 
Il-moviment tal-paċi ta' Alla u t-tliet ordnijiet fis-soċjetà medjevali

Il-knisja ma żgiċċatx it-tqanqil tas-sekli 9 u 10. Xi karigi ta' superjuri, parrokkjali jew ekleżjastiċi ingħataw 'il-lajċi biex dawn jattiraw il-klijentela, u d-dixxiplina monastika illaxkat, il-livell kulturali tal-qassisin waqa' [7]. Min-naħa l-oħra il-ftit monasteri li żammew imġiba irreprensibbli kisbu awtorità morali kbira.

Meta bdiet toqrob is-sena elf, kien hemm tiġdid kbir fil-ħerqa reliġjuża. Il-fidili bdew jinteressaw ruħhom ħafna fit-tniddif minn dnubiethom. B'mod partikolari il-monasteri serji bdew jirċievu ħafna donazzjonijiet għall-assuluzzjoni wara l-mewt[8]. Iżjed u iżjed nies ta' integrità kbira bdew jintgħażlu bħala abbatijiet u xi wħud minnhom bħal Guliermu ta' Akwitanja wasal biex ta l-awtonomija u l-immunità lill-monasterji li kienu jagħżlu l-abbati tagħhom. Dan sar fil-każ tal-abbatija ta' Cluny. Xi monasterji oħra użaw ċertifikati foloz ta' immunità biex jiksbu l-awtonomija[9].

Minn dawn kollha, Cluny kellha l-akbar żvilupp u influwenza. Taħt it-tmexxija dinamika ta' abbatijiet bħal Odon, Maïeul jew Odilon de Mercœur, l-Abbatija ħolqot monasteri oħra marbutin magħha u malajr saret ordni qawwija ħafna (fid-994, l-ordni ta' Cluny diġà kellha 34 kunvent) )[10]. Waħda mis-saħħiet kbar ta' Cluny kienet li kienet tirrekluta ħafna mill-membri tagħha u partikolarment l-abbatijiet mill-aristokrazija[11].

L-ordni appoġġat attivament il-moviment tal-Paċi ta' Alla, li bl-użu tal-mobilizzazzjoni popolari u l-appoġġ tas-setgħat, daħħal il-moralità fl-imġiba tal-kavallieri spiss responsabbli għall-abbużi fl-impożizzjoni tad-dritt tal-bannu. Fil-waqt li għamlet dan, il-Knisja imponiet mudell ta' soċjetà maqsuma fi tliet ordnijiet [12].

L-awtorità tal-imperatur fuq il-vassalli tiegħu kienet dgħajfa u matul ir-renju ta' Enriku III, Konti ta' Tusculum, kien hemm familja Rumana qawwija li kienet tikkmanda l-belt. Billi kienu imdorrijin itellgħu il-papa, ippruvaw jerġgħu jiedħu l-prerogattivi tagħhom. Waqt li kkritikaw il-moralità baxxa tal-papiet maħtura mill-imperatur, tellgħu papa rivali, u hekk ġegħlu l-imperatur jintervjeni militarment u jsejjaħ kunċilju kbir fl-20 Diċembru ta' 1046 biex itemm is-sitwazzjoni fejn kien hemm żewġ papiet fl-istess ħin [13]. Iżda dan ma kienx kollox: wieħed wara l-ieħor iż-żewġ papiet maħtura mill-imperatur sfaw maqtula (Klement II u Damasu II). Il-kandidat il-ġdid mibgħut mill-imperatur kellu d-delikatezza li jitlob lir-Rumani li jtellgħu lil min jogħġobom. Ġie kkonsagrat bl-isem ta' Ljun IX [13]. Billi kien imrawwem fl-ispirtu tar-riforma monastika, ikkonkluda li l-indinjità tal-papiet ta' qablu kienet ir-raġuni li r-Rumani ċaħduhom u tal-waqa' tagħhom. Ħatar lil Ildebrandu, (il-futur Gregorju VII), sotto-djaknu u nkarigah bl-amministrazzjoni tal-finanzi tas-Santa Sede. L-atti l-aktar importanti tal-papat tiegħu u dawk tas-suċċessuri tiegħu (Vittorju II (1055-1057) Stiefnu IV (1057-1058), Nikola II (1058-1061 ) u Alessandru II (1061-1073) kienu ġejjin minn Ildebrandu, li aġixxa bħala tassew éminence grise[14]. Fil-fatt, Ildebrandu nieda r-riforma Gregorjan ħamsa u għoxrin sena qabel ma sar papa innifsu. Bil-mod ħeles il-Knisja mit-tutela tal-imperatur.

Il-Knisja ħalliet il-qawwa temporali u militari f'idejn in-nobbiltà u saret il-garantur morali tal-ekwilibriju soċjali. Il-kleru ġabar l-għarfien kollu mit-tmiem tal-antikità u sar il-promotur ewlieni tal-edukazzjoni u l-progress xjentifiku u tekniku (l-iżjed fi ħdan l-abbatiji) u hekk sab ruħu bħala l-element ċentrali u indispensabbli tas-soċjetà medjevali. Il-kjeriċi li kienu jafu jaqraw u jgħoddu kienu jmexxu l-istituzzjonijiet, u l-fondijiet reliġjużi kienu jmexxu l-karitajiet[15] u l-iskejjel [16]. Permezz tal-btajjel reliġjużi, in-numru ta' ġranet ta' mistrieħ laħaq 140 fis-sena[17]. Billi fehmu l-iskambji kulturali u billi bbenifikaw mill-aħjar għarfien tekniku, l-abbatiji malajr ħadu l-ikbar sehem fl-istruttura ekonomika li kienet għadha fil-parti l-kbira agrikola. Il-Knisja kienet taf kemm kienet kbira il-qawwa tagħha fl-ekonomija, fil-kultura, fil-pulitka u anki fil-militar (peres li permezz tal-ordnijiet militari setgħet tistrieħ fuq forzi armati permanenti mingħajr ma jkollha tħallashom) matul il-Kruċjati.

Il-qawwa spiritwali u s-setgħa temporali, il-qsim tal-poter immodifika

Il-ġlieda għall-investituri kienet taqbida ħarxa bejn il-Papa u l-imperatur Ġermaniż. Fid-Dictatus papae, Grgorju VII saħħaq jgħid li l-milja tal-poter, plenitudo potestatis bil-Latin, tappartjeni għall-pontifiċi sovran, imma l-Konkordat ta' Worms tal-1122 daq il-qampiena tal-agunija tat-tmexxija tal-Punent mill-papa u l-imperatur [18]. Barra minn hekk, fit-tieni nofs tas-seklu 13, il-milja tal-poter spiritwali saret "kunċett totalitarju"[19]. Il-Knisja ma setgħetx tittolera poter ieħor ħlief tal-papa u skont it-teorija ta' żewġ xwabel, il-Papa kellu f'idejh kemm ix-xabla spiritwali kif ukoll ix-xabla temporali. Jagħti t-tieni waħda lill-prinċep biex jużaha kif jgħidlu l-papa[19]. B'dan il-mod il-Knisja Kattolika Rumana ippruvat twaqqaf teokrazija pontifiċja waqt li tagħmel lill-papa r-rappreżentant ta' Alla fuq l-art.

L-evoluzzjoni fis-soċjetà, il-bidu tal-importanza tal-Ordni negozjanta immodifika

 
Ix-xogħol ta' Pierre de Maricourt fuq il-manjetiżmu ppermetta l-iżvilupp tal-boxla: Epistola de magnete (1269)

Mit-tmiem tas-seklu 13, il-bilanċ bejn it-tliet ordnijiet sfratta. Minn naħa waħda, il-borgeżija ħadet f'idejha l-poter ekonomiku li għamilha politikament dejjem aktar meħtieġa (il-prinċpijiet u l-ekkleżjastiċi selfuha l-flus)[20]. Min-naħa l-oħra, għal bżonnijiet tal-kummerċ, u mbagħad biex titla' 'l fuq fis-soċjetà, ħadet parti fil-kultura, ħolqot skejjel lajċi[21] u ffinanzjat il-patrunaġġ tal-kultura[22] kif ukoll għadd ta' xogħlijiet soċjali [23]. Il-parti l-kbira tal-innovazzjonijiet tekniċi bdew isiru mil-lajċi, inġiniera u arkitetti (bħal Villard) [24], nies tas-sengħa (bħal Jacoppo u Giovanni di Dondi, disinjaturi tal-arloġġ bl-iskappament[25])... Il-post speċjali mogħti lill-Knisja fis-soċjetà għar-rwol kulturali u soċjali tagħha setgħa jiġi ġġustifikat inqas u inqas.

Filwaqt li l-kleru kien ta' quddiemnett fil-progress xjentifiku u filosofiku bi studjużi bħal Roger Bacon, Robert Grosseteste, Stone Maricourt, Peter Abelard jew Tumas Akwinu, xi membri beżgħu li jiġu sopraffatti minn żviluppi li jqajmu dubji dwar il-pożizzjoni tagħhom. Il-bidla ġiet fis-7 ta' Marzu 1277, meta l-Isqof ta' Pariġi, Étienne Tempier ikkundanna l-Averroisti (Siger ta' Brabant) u xi teoriji ta' Tumas Akwinu [26]. Il-Knisja saret forza konservattiva li filwaqt li ppermetiet l-iżvilupp ta' ideat mistiċi, ħalliet il-borgeżija tieħdu sehem dejjem jikber fil-progress xjentifiku u filosofiku [27].

Iffaċata bit-telf tal-influwenza spiritwali, ippruvat tirbaħ is-setgħa temporali. Filippu s-Sabiħ[N 1] irriaġixxa b'mod vjolenti jistrieħ partikolarment fuq l-universitarji u l-borgeżija li tahom pożizzjoni politika aktar importanti permezz tal-ħolqien tal-iStati Ġenerali. Is-sekli 14 u 15 huma mmarkati bil-ġlieda bejn żewġ kunċetti tas-soċjetà, li tidher minsuġa fil-Gwerra ta' Mitt Sena, fejn l-ordni fewdali kienet mhedda mid-domanda għar-rikonoxximent politiku tal-bliet.

Il-konfront bejn Filippu s-Sabiħ u l-Papat immodifika

 
Arnolfo di Cambio, Statwa ta' Bonifaċju VIII, Museo dell'Opera del Duomo (Firenze)


Filippu IV ta' Franza msejjaħ Filippu s-Sabiħ kellu bżonn il-flusi biex iżomm lesti l-armata u l-flotta biex irażżan ix-xewqa għall-awtonomija li kellhom il-bliet għonja Fjammingi. Fl-1295 iddeċieda li jiġbor taxxa fuq il-kleru. Il-Papa Bonifaċju VIII, li kien idaħħal ammonti kbar ta' flus minn Franza, wieġeb bil-bolla tal-1296 Clericis laicos. F'din avża r-rejiet, li l-kleru ma jista' jiġi sottomess għal ebda taxxa mingħajr il-kunsens tas-Santa Sede. L-isqfijiet kellhom jimxu mal-ordnijiet tas-Santa Sede taħt il-piena tal-iskomunika.

Biex ipattiha lura, Filippu s-Sabiħ ipprojbixxa l-ħruġ tal-flus mir-renju ta' Franza u dan kellu l-effett li jiċħad lill-Papa minn parti importanti mid-dħul tiegħu. Ir-relazzjonijiet ma' Ruma marru għall-agħar u, fl-1302, bil-bolla papali Unam Sanctam , Bonifaċju VIII afferma s-superjorità tas-setgħa spiritwali fuq il-poter temporali, u minn din, is-superjorità tal-Papa fuq ir-rejiet li huma responsabbli lejn il-kap tal-Knisja [28]. Dan kien wisq għal Filippu s-Sabiħ, li sejjaħ il-Kunċilju tal-isqfijiet ta' Franza biex jikkundannaw il-Papa, imbagħad l-assemblej tan-nobbli u tal-borgeżija f'Pariġi bl-istess skop. Ir-re talab l-appoġġ tas-suġġetti tiegħu kollha biex jilleġittima l-ġlieda li kien qiegħed imexxi kontra l-papa[29]. Il-papa mbagħad għedded li jiskomunika lil Filippu IV u jifrex l-interdett fuq ir-renju ta' Franza kollu.

 
Qabar ta' Bonifaċju VIII, fil-grotti tal-Vatikan

Bl-appoġġ tal-poplu u l-kleru, ir-re bagħat il-gwardjan ts-siġilli tiegħu, il-kavalier Guliermu ta' Nogaret ma' skorta armata żgħira lejn l-Italja biex jarresta l-papa u biex iġegħlu jidher quddiem il-kunċilju . Nogaret malajr iltaqa' ma' għadu personali ta' Bonifaċju VIII, Sciarra Colonna, li għarrfu li l-papa kien ħarab lejn Anagni. Fit-8 ta' Settembru, 1303, fl-laqgħa storbjuża, Guliermu de Nogaret għedded bl-aħrax lil-Papa Bonifaċju VIII li miet ftit ġimgħat wara[29].

Is-suċċessur tiegħu Benedittu XI ġie elett fit-22 ta' Ottubru, 1303 f'atmosfera kerha. Dan annulla l-miżuri li kienu jirritaw ir-re qawwi ta' Franza qabel ma miet hu wkoll fis-7 ta' Lulju 1304.

Matul ħdax-il xahar, saru negozjati diffiċli bejn il-parti Franċiża, immexxija mill-familja Rumana ta' Colonna, u l-parti tal-mejjet Bonifaċju VIII, immexxija mill-Caetani. Fl-aħħar iddeċidew li jagħżlu l-papa minn barra s-Sagru Kulleġġ tal-Kardinali u unanimament, jew kważi, intgħażel Bertrand de Got, prelat diplomatiku u ġurista eminenti, li baqa' newtrali fil-glieda bejn ir-re Filippu s-Sabiħ u l-Papa Bonifaċju VIII. Fil-5 ta' Ġunju 1305, il-kardinali miġburin f'konklavi f'Perugia, tellgħu bħala kap tal-Knisja lil Bertrand de Got li għażel l-isem ta' Klement V. Dan kien ir-raba' papa Franċiż u l-ewwel wara l-elezzjoni ta' Jacques Pantaleon (Urbanu IV) fid-29 ta' Awissu 1261. Tela' fuq it-tron ta' San Pietru fl-età ta' erbgħin sena filwaqt li l-knisja kienet għaddejja minn kriżi politika serja.

Il-Papa l-ġdid irrifjuta li jmur Ruma minħabba l-biża' mill-intrigi lokali u mir-riskji ġejjin mill-kunflitt bejn il-Gwelfi u l-Gibellini [30]. Fl-aħhar għażel li jiġi nkurunat f'Lyon, parti mill-Imperu, fl-1 ta' Novembru.

Oriġni ta' Avignon bħala belt papali immodifika

Wara l-elezzjoni tiegħu f'Perugia fl-24 ta' Lulju 1305 u l-kurunazzjoni tiegħu fl-Lyon fil-15 ta' Novembru, il-Papa Klement V għamel dawra twila mar-Renju ta' Franza u l-Gwijenna Ingliża. L-Arċisqof ta' qabel ta' Bordeaux kien laħaq bl-appoġġ tar-Re ta' Franza, li tiegħu kien suġġett u mhux vassall, u bi tpattija għal dan l-appoġġ kien obbligat lejh [31].

Klement V għamel l-almu tiegħu biex jagħmel paċi mal-qawwi Filippu s-Sabiħ, iżda ċaħad it-talba tiegħu li jiftaħ il-proċess kontra Bonifaċju VIII wara mewtu, li seta' jiġġustifika a posteriori l-attakk t'Anagni[30]. Fl-1307, kellu taħdita mar-re Kapetingi fejn ġiet diskussa l-kwistjoni tad-destin tat-Templari. Filippu s-Sabiħ ried jagħlaq din l-ordni għanja u influwenti ta' kavallieri-reliġjużi. Dan sar nhar il-Ġimgħa t-13 ta' Ottubru 1307 mingħajr ma l-Papa seta' jopponieh.

Il-Kunċilju ta' Vienne, li ssejjaħ biex jiġġudika l-Kavallieri Templari, ħtieġ li hu jmur f'dik il-belt. Għalhekk mar fil-Comtat Venaissin[N 2]. Ir-raġuni li għażel il-belt ta' Avignon, il-proprjetà tal-Konti ta' Provenza, kienet il-lokalità tagħha fuq ix-xatt tax-xmara Rhône li tgħaqqadha mat-tramuntana tal-Ewropa[N 3].

Barra minn hekk, l-importanza tal-fieri ta' Champagne sal-aħħar tas-seklu 13 u l-kontinwità tal-fiera ta' Beaucaire għamlu lil Avignon waqfa kummerċjali obbligatorja[N 4]. Il-preżenza papali kienet ħa terġa' tagħtiha importanza li kienet qiegħda titlef u l-kunflitt bejn il-Ingilterra u Franza taha sinifikat politiku li Ruma ma setgħetx ikollha billi kienet 'il bogħod miċ-ċentru vis-à-vis dawn iż-żewġ renji.

Ruma, mill-qedem, ħadet is-setgħa u l-majestà tagħha mill-pożizzjoni ċentrali li għandha fil-Mediterran, imma tard fil-Medjuevu kienet tilfet l-importanza billi ċ-ċentru tal-gravità tad-dinja Nisranija kien mexa. Il-pożizzjoni ta' Avignon kienet ferm aktar favorevoli ġeografikament u politikament [N 5].

Klement V dam ma wasal Avignon sad-9 ta' Marzu 1309 u qagħad fil-kunvent Dumnikan [N 6]. Taħt dan il-pontifikat, Avignon saret, taħt il-ħarsien tar-Re ta' Franza, Filippu s-sabiħ, ir-residenza uffiċjali ta' parti tal-Kulleġġ Imqaddes tal-kardinali, filwaqt li l-Papa kien jippreferi jogħqod Carpentras, Malaucène jew Monteux, bliet fil-Comtat.

Il-papat f'Avignon immodifika

Ġwanni XXII immodifika

 
Ritratt ta' Ġwanni XXII

Mal-mewt ta' Klement V, u wara elezzjoni diffiċli, f'Lyon fis-7 ta' Awissu, 1316 ġie elett papa Jacques Dueze. Minħabba l-età avvanzata ta' 72 sena, kien meqjus mill-kardinali bħala papa tranżizzjonali. La kien Taljan u lanqas Gascon u ma kienx kellu ħlief rwol politiku żgħir[32]. Iżda fid-9 ta' Awissu, ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jiftaħ l-Audience de la Contredite (appelli kontra l-editti papali) f'Avignon, fl-1 ta' Ottubru li kien imiss [33]. Wera x-xewqa tiegħu li jwaqqaf il-papat fil-belt fejn kien isqof mit-18 ta' Marzu 1310[34]. Il-loġika kienet twassal għall-konklużjoni li Carpentras kellha tkun ir-residenza tranżalpina tal-papat. Imma l-akbar belt tal-Comtat Venaissin kellha r-rieħa tinten tal-kolp mill-Gascons matul il-konklavi li segwa l-mewt ta' Klement V. Barra minn hekk, deher ċar li l-papa li qabel kien isqof ta' Avignon, ipprefera l-belt Episkopali tiegħu li kien jaf sewwa u kellha l-vantaġġ li tinsab f'salib it-toroq ewlenin tad-dinja tal-Punent minħabba x-xmara u l-pont tagħha [35].

Ġie nkurunat fil-5 ta' Settembru u għażel l-isem Ġwanni XXII. Wasal Avignon fuq ix-xmara u ladarba kien hemm, żamm għall-użu tiegħu il-kunvent tad-Dumnikani qabel ma mar jerġa' joqgħod fil-palazz episkopali fejn kien jgħix qabel[N 7].

Benedittu XII immodifika

Ġwanni miet maż-żerniq tal-4 ta' Diċembru, 1334 fl-età ta' 90 sena. Warajh ġie Jacques Fournier, imsejjaħ il-kardinal l-abjad. Dan għażel l-isem ta' Benedittu XII f'unur il-patrun tal-Ordni taċ-Ċisterċensi li hu kien membru tagħha u ġie nkurunat fil-knisja tad-Dumnikani ta' Avignon, fit-8 ta' Jannar 1335, mill-kardinal Napuljun Orsini, li kien diġà nkuruna ż-żewġ papiet ta' qablu [N 8].

L-ewwel ħsieb ta' dan il-papa kien biex jerġa' jġib l-ordni fil-Knisja u jerġa' jieħu s-Santa Sede f'Ruma. Bilkemm kien ġie elett li annulla l-patrunaġġi tal-predeċessur tiegħu u bagħat lura fid-djoċesi tagħhom u l-abbaziji tagħhom il-prelati u l-abbatijiet kollha tal-qorti [36]. Fis-6 ta' Lulju 1335, meta waslu Avignon xi legati minn Ruma, wegħedhom li li jmur lura fuq xatt it-Tevere mingħajr ma speċifika d-data [37]. Iżda r-rewwixta tal-belt ta' Bolonja u l-protesti mill-kardinali ħarbtulu xewqtu u kkonvinċewh li jibqa' fuq xatt ir-Rhône[N 9]. Sadanittant, qatta' erba' xhur fil-palazz mibni f' Pont-de-Sorgue mill-predeċessur tiegħu [N 10].

Madankollu, meta mar joqgħod fil-palazz episkopali li l-predeċessur tiegħu kien ittrasforma għal kollox, il-papa l-ġdid malajr iddeċida li jbiddlu u jkabbru[38]. Fid-9 ta' Frar, 1335, il-papa bagħat ittra lid-Dauphin ta' Vienne jirrakkomandlu patri tal-abbatija ta' Fontfroide, li hu kien qabbad biex jixtrilu biċċa bosk fid-Dauphiné biex jibni fiha palazz ġdid[39].

Waqqa' kollox li l-predeċessur kien bena u fuq il-pjanti tal-arkitett Pierre Obrera [40] bena l-parti tat-tramuntana tal-palazz appostoliku. Ir-Reverenda Kamra Appostolika – il-"Ministeru tal-Finanzi Pontifiċju" - xtrat il-palazz li kien bena Armand de Via biex iservi bħala residenza għall-isqfijiet ta' Avignon [31].

 
Il-kjostru, iddisinjat mill-arkitett Pierre Peysson

Fir-rebbiegħa tal-1335, bagħat għal Pierre Peysson[N 11], arkitett li kien qabbad f'Mirepoix, biex imexxi x-xogħol tal-palazz tiegħu u nkarigah biex jiddisinja mill-ġdid it-torri tal-Anġli u l-kappella papali tat-tramuntana [41]. Minkejja l-awsterità tiegħu, Benedittu XII, kien bi ħsiebu wkoll fuq il-parir ta' Robert ta' Anjou li jqabbad lil Giotto biex iżejjen il-kappella papali. Billi l-papa miet fl-1336 dan il-proġett ma seħħx. Dan il-bini ġdid ġie kkonsagrat fit-23 ta' Ġunju 1336, mill-kamrier Gaspard (jew Gasbert) de Laval. Ftit qabel ma miet, fil-5 tal-istess xahar, il-Papa kien iġġustifika d-deċiżjoni tiegħu lill-kardinal Pierre des Prés b'dan il-mod:

Ħsiebna u qisna maturament li hu importanti ħafna għall-Knisja Rumana li jkollha fil-belt ta' Avignon, fejn ilu reżidenti l-Qorti Ruman u fejn aħna ngħixu miegħu, palazz speċjali fejn il-Papa jista' jgħix meta u sakemm jidhirlu li hu meħtieġ [42].

Fl-10 ta' Novembru 1337 bdiet il-Gwerra ta' mitt Sena. Fil-Fjandri, l-Ingliżi niżlu fuq il-gżira ta' Cadsan, filwaqt li l-flotta Franċiża kienet f'battalja ma' dik tar-re tal-Ingilterra f'Southampton. Benedittu XII permezz tal-legati tiegħu, irranġa waqfien mill-ġlied li kien aċċettat miż-żewġ naħat. Imma madankollu ma kienx il-kunflitt Franko-Ingliż li wassal lill-Papa biex jibni għalih palazz iffortifikat, iżda kienet il-biża' mill-imperatur Lwiġi tal-Bavarja li kellu minn mindu ġie elett[37]. Ir-relazzjonijiet bejn il-papat u l-Imperu kienu taħt tensjoni kbira billi fit-8 ta' Ottubru 1323, Ġwanni XXII kien iddikjara f'konsistorju sħieħ li l-Bavarjan kien usurpatur u għadu tal-Knisja. Meta kien imsejjaħ biex jiġi Avignon biex jiġġustifika l-appoġġ tiegħu għal Visconti, ma kienx deher u ġie skumnikat fit-23 ta' Marzu 1324. Bi tpattija Lwiġi IV tal-Bavarja mar l-Italja bl-armata tiegħu biex jiġi nkurunat f'Ruma u ġiegħel li jiġi elett antipapa fil-persuna ta' Nikola V li kien iddepona lil Ġwanni XXII u tah l-isem ġdid ta' Jean de Cahors[43]. Minkejja li Benedittu XII kien aktar konċiljatorju, Avignon, li kienet provinċja imperjali, baqgħet mhedda, però kienet ferm aktar żgura minn kull belt fl-Italja [N 12].

Dan il-bini ffortifikat illum hu magħruf bħala l-"palazz l-antik". Fih, tqegħdet il-bibljoteka pontifiċja ġewwa t-torri mat-teżor papali[N 13]. Taħt il-pontifikat tat-tielet papa ta' Avignon, kien fiha erba' taqsimiet: teoloġija, liġi kanonika, liġi ċivili u mediċina[44].

Klement VI immodifika

 
L-arma ta' Klement VI fuq il-bieb tax-Champeaux

Klement VI (Pierre Roger) mar joqgħod fil-palazz mibni għall Benedittu XII. Imma ma raħx tajjeb biżżejjed. Jean du Louvre[N 14], ġie mqabbad jibni palazz ġdid xieraq għalih[N 15]. Beda x-xogħol tiegħu fis-17 ta' Lulju 1342.[45] B'dan ix-xogħol u l-ħolqien tal-faċċata l-ġdida, il-palazz kien ħa d-dehra li kważi naraw illum. Klement VI ma nesiex li jqiegħed l-arma tal-familja Roger fuq id-daħla prinċipali ġdida tax-Champeaux.

Iżda fuq kollox il-Papa qabbad lil ħafna pitturi biex jiksu l-ħitan bl-affreski. Matteo Giovanetti, qassis minn Viterbo, student tal-kbir Martini Simone, li miet Avignon, mexxa grupp ta' pitturi importanti li kienu ġew mill-Ewropa kollha [46].

Fit-13 ta' Ottubru 1344 Matteo Giovanetti beda d-dekorazzjoni tal-kappella ta' San Marzjal, li tagħti fuq il-Grand Tinel. Tlestiet fl-1 ta' Settembru 1345. Mid-9 ta' Jannar sal-24 ta' Settembru 1345, żejjen il-kappella ta' San Mikiel. F'Novembru 1345, beda l-affreski tal-Grand Tinel [N 16] li spiċċa f'April 1346 [47]. Imbagħad fl-1347 mit-12 ta' Lulju sas-26 ta' Ottubru, ħadem fuq is-sala tal-Konsistorju u wara fuq il-kappella ta' San Ġwann[48].

Fid-9 ta' Ġunju 1348, Klement VI xtara Avignon mir-reġina Ġwanna Ire ta' Napli bis-somma ta' 80,000 fjorin u l-belt saret indipendenti minn Provenza u proprjetà papali bħall-Comtat Venaissin.

Innoċent VI immodifika

 
Rappreżentazzjoni ta' Avignon u tal-"palazz fortizza" mill-bidu tas-seklu XV
Ħanut tal-mastru ta' Boucicaut, ms. 23279, fo. 81, Bibliothèque nationale, Pariġi

Meta Klement VI miet fl-1352, il-fondi finanzjarji tas-Sede Appostolika kienu l-iżjed fil-baxx.[49].

Fl-1355, Innoċent VI ġiegħel li jinbnew swar ġodda sabiex idawru wkoll is-subborgi ġodda u jżommu 'l barra l-kumpanniji ta' ventura. Dawn il-qattiet ta' merċenarji ma attakawx il-belt wara li kienu ngħataw kumpens finanzjarju sewwa. Is-swar ma kinux għoljin ħafna u kien hemm mument meta kien hemm xi ħsieb li jintħattu. Fil-bidu kellhom 7 bibien li kienu jissakkru bil-lejl u tnaqqsu għal 4 lejn is-seklu XVI. Issa fihom 29 daħla u huma 4330m twal. Fis-seklu XIX, l-arkitett Eugène Viollet-le-Duc iddisinja mill-ġdid l-kumpless sħiħ. Dawn is-swar baxxi biċ-ċombaturi li huma priżervati perfettament iħaddnu l-qalba amministrattiva u kulturali tal-belt.

Urbanu V immodifika

Fis-6 ta' Novembru 1362, fil-kappella tal-palazz l-antik, Guillaume Grimoard ġie nkurunat papa minn Étienne-Audouin Aubert, kardinal ta' Ostia u n-neputi tal-papa li miet [50]. Ħa l-isem ta' Urbanu V, u meta wasal fil-palazz tiegħu stqarr:

Imma jien ma tgħoġobnix biċċa ta' ġnien biex nara jikbru xi frott, niekol l-insalata u niġbor żewġ għenbiet [51]

Għal din ir-raġuni matul il-pontifikat tiegħu wettaq xogħlijiet li qamu ħafna flus fit-tkabbir tal-ġonna [52]. Il-parti li tmiss mal-palazz papali fuq il-faċċata tal-Lvant għadha tissejjaħ "Verger d'Urbain V" (Ġnien tal-frott ta' Urbanu V).[N 17]

Minbarra l-ġonna, Urbanu V qabbad l-arkitett Bertrand Nogayrol jibnilu r-Roma, gallerija twila fuq livell wieħed imdawra mat-torri tal-Anġli. Din tlestiet fl-1363, u din id-data timmarka t-tmiem tax-xogħol arkitettoniku fil-palazz il-ġdid [53].

Il-Papa qabbad lil Matteo Giovanetti biex iżejjen ir-"Roma". Il-pitturi tiegħu fuq it-tila tal-ħajja ta' San Benedittu bdihom fil-31 ta' Diċembru 1365 u lestihom f'April tal-1367 [54]. Din il-gallerija ma għadhiex teżisti għaliex twaqqet mill-militar fl-1837.[55]

Gregorju XI immodifika

Gregorju ma għamel l-ebda bini fil-palazz. Hu ħa l-papat lura lejn Ruma fejn miet fl-1378. Meta Girgor XI ħa s-sede tal-papat lejn Ruma fl-1377, il-belt ta' Avignon kienet amministrata minn legat papali.

Ix-Xiżma l-Kbira tal-Punent immodifika

Feliċ VAntipapiet immaġinarjiBenedittu XIV (antipapa)Benedittu XIV (antipapa)Klement VIII (antipapa)Klement VIII (antipapa)Benedittu XIII (antipape)Benedittu XIII (antipapa)Nikola VEwġenju IVMartin VBenedittu XIII (antipapa)Klement VII (antipapa)Ġwanni XXIII (antipapa)Ġwanni XXIII (antipapa)Alessandru V (antipapa)Alessandru V (antipapa)Gregorju XIIInnoċent VIIInnoċent VIIBonifaċju IXUrbanu VIGregorju XI

Klement VII immodifika

Il-konklavi l-ewwel tella' fuq it-tron papali lil Urbanu VI. Iżda l-elezzjoni kienet saret taħt theddid mir-Rumani u billi l-papa l-ġdid kellu karattru koleruż wisq, il-Kardinal reġa' bdielhom u reġgħu iltaqgħu fil-belt ta' Fondi, neħħewh u tellgħu minnfloku l-kardinal Franċiż Robert de Genève li ħa l-isem ta' Klement VII. Kellu l-appoġġ ta' ħafna stati, fosthom Franza, u mar joqgħod Avignon mal-qorti tiegħu waqt li Urbanu VI baqa' Ruma. Hekk bdiet ix-Xiżma l-Kbira.

Benedittu XIII immodifika

Is-suċċessur ta' Klement VII kien l-Aragoniż Benedittu XIII (illum it-tnejn huma meqjusa bħala Antipapiet mill-Knisja Kattolika). Dan ġie elett fit-28 ta' Settembru 1394 u wiegħed li jirriżenja jekk kien meħtieġ sabiex tintemm ix-xiżma l-kbira. Il-fatt li baqa' ma żammx kelmtu, fit-28 ta' Lulju 1398, swielu l-ewwel diżubbidjenza min-naħa ta' Franza u l-alleati tagħha. Il-papa allura ssakkar fil-palazz tiegħu fejn ġie assedjat minn Geoffroy le Meingre imsejjaħ Boucicaut f'Settembru [56]

Fl-1409 il-kunċilju ta' Pisa ma renexxielux isolvi tax-xiżma. Ħatar papa ieħor, it-tielet wieħed (imsejjaħ il-Papa ta' Pisa minkejja li ma kienx joqgħod Pisa), fil-persuna ta' Alessaandru V li malajr sar minfloku Ġwanni XXIII. Madankollu, il-papa ta' Pisa kellu l-appoġġ ta' ħafna stati li qabel kienu leali lejn iż-żewg papiet l-oħra.

Il-Papa Benedittu XIII minħabba li kien assedjat f'Avignon kellu jmur fl-eżilju fl-Aragona, l-aħħar pajjiż li baqa jappoġġah, u baqa' hemm sa mewtu. Is-suċċessuri tiegħu ukoll kienu joqgħodu hemm imma dawn ftit ftit intnesew. Iżda l-tluq ta' Benedittu XIII jimmarka t-tmiem definittiv tal-papat ta' Avignon.

L-assedji ta' Avignon u l-palazz papali immodifika

 
Il-kardinali ta' Saint-Martial u ta' Neufchâtel jinkurunaw lil Benedittu XIII
Chroniques de Froissart,
FR 2646, f° 190 v. Bibliothèque nationale
 
Kanuni medjevali murijin fil-pjazza tal-palazz papali

Fl-ewwel assedju, in-nies ta' Boucicault u ta' Raymond de Turenne, in-neputi ta' Gregorju XI daħlu mill-kċina tal-Grand Tinel. Martin Alpartils [57], kittieb Katalan kontemporanju rrakkonta l-attakk tagħhom. Wara li rnexxielhom jidħlu minn taħt is-swar tal-palazz u jaqsmu l-foss u d-drenaġġ tal-kċejjen, telgħu sellum li wassalhom għall-kċina ta' fuq. Malli ndunaw it-truppi fidili lejn Benedittu XIII, inbuttawhom lura u tefgħulhom il-ġebel maqluh mill-fuklar u qatet ta' ħatab jaqbdu bin-nar[58].

Dan ir-rakkont huwa kkorroborat mill-messaġġier Avignoniż ta' Francesco di Marco Datini, in-negozjant kbir ta' Prato li kiteb:

Il-bieraħ, il-25 ta' Ottubru, fil-għaxija konna qegħdin nieklu, meta daħal kavallier Spanjol biex jarma ruħu fil-ħanut: daħħalna 200 fjorini minn fuqu.

Meta saqsewh, ix-xerrej stqarr li hu u n-nies tiegħu kienu sejrin jidħlu fil-palazz mid-dranaġġ.

Ftit wara nofs il-lejl, xi 50 jew 60 mill-aħjar li kienu hemm, daħlu f'dan il-palazz. Imma meta dawn in-nies kollha kienu ġewwa, sellum, ngħidu aħna, waqa' lura u l-ħaġa inkixfet mingħajr ma setgħu imorru lura. Ir-riżultat kien li n-nies tagħna kollha ttieħdu priġunieri, il-parti l-kbira feruti, u wieħed minnhom miet.

Il-messaġġier il-falliment tal-kolp attribwieh għall-eċċitament u l-għaġla tan-nies li għamluh:

Huma kienu tant ħerqana biex jidħlu fil-palazz, u Alla jaf kemm kienet kaċċa tajba! Ħasbu li kien hemm aktar minn miljun biċċa tad-deheb! Għal erba' snin ta' qabel il-papa kien il-ħin kollu jġemma d-deheb. Kieku kollha kienu jsiru għonja, u issa huma priġunieri, li jinkwieta ħafna l-belt ta' Avignon [59].

Wara tliet xhur ta' ġlied qawwi, l-imblokk tal-palazz ġie żgurat u minn April tal-1399, il-ħruġijiet biss bdew jiġu mgħassa sabiex Benedittu XIII ma jkunx jista' jaħrab. Il-korrispondenza mibgħuta Prato kompliet tiddeskrivi l-ħajja ta' kuljum kif rawha l-Avignoniżi. Ittra bid-data tal-31 ta' Mejju 1401, għarfet lin-negozjant minn Avignon bil-ħruq tal-kamra fejn kien jorqod:

Fl-aħħar tax-xahar li għadda, il-lejl qabel l-ewwel tax-xahar, inħarqu erba' djar quddiem id-dar tiegħek, eżatt quddiem il-kamra ta' fuq fejn kont imdorri torqod, u mbagħad ir-riħ tajjar in-nar lejn il-kamra tiegħek u qabdet, inħarqu s-sodda, il-purtieri, xi merkanzija, kotba u affarijiet oħra, billi n-nar kien qawwi u ġie waqt li kulħadd kien rieqed, għaddiet xi siegħa qabel stgħajna noħorġu 'l barra dak li kien fil-kamra tiegħek bil-ħsieb li nsalvaw xi oġġetti ta' valur akbar.

Dik tat-13 ta' Novembru informat lin-negozjant bil-bumbardament tad-dar tiegħu:

Tal-palazz (il-papa) jispara l-balal, hawnhekk fil-Borza u fit-triq tal-bejgħ tal-ikel [N 18]. Tefa' ġebla ta' 25 libbra fuq is-saqaf tiegħek li kissret biċċa minnu u niżlet quddiem il-bieb mingħajr ma weġġgħet 'l ħadd għall-grazzja t' Alla [60].

Fl-aħħarnett fil-11 ta' Marzu 1403, minkejja l-għassa fuqu, il-papa rnexxielu jħalli l-palazz u l-belt fejn kien joqgħod, wara assedju iebes ta' ħames snin [61].

Wara l-papiet immodifika

Benedittu XIII qatt ma mar lura Avignon, imma ħalla hemm lil neputijietu, Antonio de Luna bil-kariga ta' rettur ta' Comtat Venaissin, u Rodrigo. Dan tal-aħhar u l-Katalani ta' miegħu marru joqgħodu fil-palazz papali. Nhar it-Tlieta 27 ta' Jannar 1405 fil-ħin tal-Għasar, il-kampnar piramidali ta' Notre Dame des Doms iġġarraf u huwa u niżel waqqa' l-baptisterju antik ddedikat lil San Ġwann. Il-Katalani ġew akkużati b'din l-azzjoni u huma ħadu l-opportunità minnha biex iwaqqfu pjattaforma fuq il-bini mwaqqa' biex jinstallaw l-artillerija tagħhom[62].

Wara li kellu jħabbat wiċċu mad-depożizzjoni ta' zijuh mill-Kunċilju ta' Pisa fl-1409, u mad-defezzjoni tal-Avignoniżi u l-Comtadins, is-sena ta' wara, Rodrigo de Luna, li kien sar rettur minflok ħuh, irraggruppa mill-ġdid il-forzi tiegħu fil-Palazz papali. Għas-sigurtà tiegħu, kompla jsaħaħ ir-rocher des Doms u biex ikun jista' jara ġejjin l-attakkanti li jistgħu jinqalgħu, spiċċa biex waqqa' d-djar kollha ta' quddiem il-palazz, u b'hekk witta l-pjazza kbira li naraw illum[63]. It-tieni assedju sar quddiem il-palazz u ssejjaħ fil-kronaki kontemporanji "il-gwerra tal-Katalani". Dam sbatax-il xahar u fl-aħħar, fit-2 ta' Novembr 1411, il-Katalani ta' Rodrigo de Luna, li kienu mejtin bil-ġuħ u qatgħu qalbhom li jiksbu l-għajnuna, aċċettaw li jċedu għall-Kamrier Francis Conzie [64].

Bertrand Boysset minn Arles fid-djarju tiegħu kiteb dwar dan, li fl-1403, mix-xahar ta' Diċembru, ġew imġarrfa d-djar kollha li kienu jinsabu bejn il-palazz il-kbir u l-palazz iż-żgħir biex id-difiża issir iżjed faċli:

Fis-sena MCCCCIII, fix-xhur ta' Diċembru, Jannar u sa Mejju, twaqqgħu id-djar li kienu bejn il-palazz il-kbir u ż-żgħir, sal-pont tar-Rhone, u wara bdew jibnu ħitan kbar fuq ir-Roque de Notre Dame des Doms li permezz tagħhom ġew konnessi l-palazz il-kbir mal-palazz iż-żgħir u t-torri tal-pont, hekk li l-Papa Benezey u l-oħrajn ta' warajh setgħu jidħlu u joħorġu mill-palazz [65].

Sadanittant, f'Pisa, il-kunċilju kien għażel papa ġdid Alessandru V. Filwaqt li l-għan tal-kunċilju kien li jtemm ix-xiżma, il-Kristjaneżmu safa bi tliet papiet minflok bi tnejn. Il-papa rikonoxxut mill-Qorti ta' Franza, bagħat lill-Kardinal Pierre de Thury biex jigverna Avignon u l-Comtat. Kellu t-titlu ta' legat u vigarju ġenerali mill-1409 sal-1410[66].

Imma fil-5 u fis-6 ta' Diċembru 409, fuq l-ordni ta' Rodrigo de Luna, (il-legat ma kienx neħħielu l-kariga ta' rettur ta' Comtat), sejjaħ l-iStati biex jiltaqgħù f'Pont-de-Sorgue. Il-Katalani biex jieqfu lill-għedewwa ta' Benedittu XIII kellhom bżonn it-truppi u l-flus u d-delegati mit-tliet ordnijiet awtorizzaw il-ġbir tat-taxxi għalihom [67]. Meta miet Alessandru V, filwaqt li Benedittu XIII kien refuġjat f'Peñíscola u Gregorju XII kienet issaltan f'Ruma, il-Kardinal Baldassare Cossa ġie elett mill-Kunċilju ta' Pisa u ħa l-isem ta' Ġwanni XXIII. Għal darb'oħra kien hemm tliet papiet u kien hu li ntagħażel minn Avignon bħala Papa.

Biblijografija immodifika

  • Joseph Girard, Avignon. Histoire et Monuments, Dominique Seguin, Avignon, 1924.
  • Joseph Girard, Évocation du vieil Avignon, de Minuit, Pariġi, 2000, ISBN 2-7073-1353-X
  • Yves Renouard, La Papauté à Avignon, sensiela "Que sais-je ?" nru 630, Presses universitaires de France, Pariġi, 1969.
  • Jacques Le Goff, Marchands et banquiers du Moyen Âge , sensiela "Que sais-je ?" nru 699, Presses universitaires de France, Pariġi, 2001, ISBN : 978-2-13-051479-4
  • Bernard Guillemain, Les Papes d'Avignon (1309-1376), du Cerf, Pariġi, 2000, ISBN 2-204-05895-5
  • Jean Favier, Les Papes d’Avignon, Fayard, Pariġi, 2006, ISBN 2-213-62524-7
  • Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, Zodiaque, La Pierre-qui-Vire, 1998, ISBN 2-7369-0240-8
  • Félix Buffière, Ce tant rude, Gévaudan, Société des Lettres, Sciences et Arts de la Lozère, Mende, 1985
  • Enrico Castelnuovo, Un pittore italiano alla corte di Avignone. Matteo Giovannetti e la pittura in Provenza nel secolo XIV. Einaudi, Torino, 1962, edizzjoni ġdida 1991, verżjoni Franċiża, Un peintre italien à la cour d'Avignon, Matteo Giovanetti et la peinture en Provence au XIVe siècle, G. Monfort, Pariġi, 1996, ISBN 2-85226-037-9
  • Léon-Honoré Labande, Le Palais des papes d’Avignon et les monuments historiques d’Avignon au XIVe siècle, vol. I u II, Detaille, Aix-Marseille, 1925.
  • Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge, Éditions seuil, Pariġi, 1975
  • Le Palais des Papes, Avignon - guide de visite, Edituri Gaud u RMG Palais des Papes, 3et edizzjoni, 2004, ISBN 2-84080-063-2

Noti immodifika

  1. ^ Philippe le Bel
  2. ^ Il-Comtat Venaissin kienet ġabra ta' kastelli, bliet żgħar u fewdi, proprjetà qadima tal-Konti ta' Toulouse li ngħatat lill-Knisja fl-1229. Iżda l-papat dam ma ħa l-pussess tagħha sal-1274. Bernard Guillemain, Les Papes d'Avignon (1309-1376), p. 15.
  3. ^ Fl-Ewropa tal-Punent, il-wied tar-Rhône huwa l-uniku passaġġ naturali li jgħaqqad it-Tramuntana man-Nofsinhar. Yves Renouard, La Papauté à Avignon, p. 23
  4. ^ Matul is-snin 1312-1320, l-importanza tal-fieri internazzjonali ta' Champagne naqset minħabba d-digriet ta' Soranzo Giovanni Doge, li qered it-traffiku tal-iġfna Venezjana fil-"Baħar tal-iljun". Tilfu d-drawwa li kellhom li jżuru l-Port Qadim ta' Marsilja u jaħżnu l-merkanzija hemm li mbagħad kienet titla' mal-wied tar-Rhône lejn Champagne. J. C. Hocquet, Voiliers et commerces en Méditerranée (1260-1650), Éditions Université Lille-III, 1979
  5. ^ Yves Renouard, La Papauté à Avignon, p. 23, jispjega li waqt Ruma kienet 550 km 'l bogħod minn Otranto, kienet 1100 km minn Krakovja, 2000 km minn Stokkolma u Edinburgu, u 1800 km minn Liżbona. Min-naħħa l-oħra Avignon tifforma stilla aktar regolari b'Otranto 1200 km 'l bogħod, Stokkolma 2000 km, Liżbona 1275 km, Krakovja 1325 km u unità Edinburgu 1450 km
  6. ^ Bernard Guillemain, Les Papes d'Avignon (1309-1376), p. 16. jgħid li Klement V għażel li joqgħod fil-kunvent Dumnikan ta' Avignon pjuttost milli fill-katedri veskovili ta' Comtat bħal Vaison jew Cavaillon, jew Pernes ir-residenza tar-rettur ta' Comtat jew f'Carpentras li kienet il-belt prinċipali.
  7. ^ Jacques Duèze, Kardinal ta' Porto, induna bih Louis d'Anjou, Isqof ta' Toulouse, u hekk kellu l-favuri tal-kontijiet ta' Provenza. Fl-1308, ħa l-katedra episkopali ta' Fréjus u sar Kanċillier tar-renju ta' Napli. Kement V ħatru isqof ta' Avignon sentejn wara.
  8. ^ F'din l-okkażjoni, kull kardinali rċieva 100,000 fjorin u 50,000 fjorin intbagħtu Ruma għar-restawr tal-Bażilika ta' San Pietru
  9. ^ Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 89-90 juri li d-deċiżjoni biex jibqa' hemm ittieħdet f'Lilju tal-1337.
  10. ^ Fil-5 ta' Settembru tal-1335, wasal f'Avignon l-iljun li Benedittu XII kien ordna minn Sqallija biex iħares il-palazz tiegħu ta' Sorgue. Din ir-residenza pontifiċja nqerdet u nħarqet fl-aqwa tal-gwerra reliġjuża minn François de Beaumont, baruni ta' Adrets fid-29 ta' Awwissu 1562}}.
  11. ^ Pierre Poisson issemma għall-ewwel darba fil-5 ta' Mejju, 1335 fil-kontijiet papali.Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 94.
  12. ^ Matul iż-żmien tal-bini tal-palazz iffortifikat, Benedittu XII kien taħt il-protezzjoni ta' Filippu de Sanguinet, siniskalk ta' Provenza maħtur minn Robertu ta' Anjou, re ta' Napli.
  13. ^ Dan it-torri famuż li ppjana Pierre Poisson kellu bosta ismijiet differenti matul is-sekli. Kien għall-ewwel imsejjaħ magna turris, turris thesaurarie, turris papali, turris grossa u fl-aħħar torri tal-anġli fis-seklu XVI. Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 101.
  14. ^ Kien minn Louvre-en-Parisis, ħdejn Luzarches. Ismu fil-kontijiet pontifiċji miktub "Johannnes de Luperiis" li ġie tradott għall-Provenzal bħala "Loubières". Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 188-189.
  15. ^ Il-palazz qadim ta' Benedittu XII kien fih ħames torrijiet. Kellu wkoll kappella pontifiċja, kjostru, xi appartamenti pontifiċji u ġwejnaħ ta' appartamenti fejn kienu joqgħodu d-dinjitarji l-kbar tal-Qorti papali (il-Kamrier u t-Teżorier). L-arkitett Jean de Loubières integrah mal-palazz il-ġdida.
  16. ^ Sfortunatament dawn ġew meqruda bin-nar tal-1413
  17. ^ É. Baluze, Prima Vita Urbani V, f'Vitae paparum Avenionensium, sive collectio actorum veterum, Vol. I, Pariġi, 1693, jitħaddet fuq is-suġgett tal-ġnien ta' Urbain V bħala viridarium miræ pulchritudinis.
  18. ^ La rue de l’Épicerie (Carriera Speciarie) illum hi msejħa Triq il-Merkanti.

Referenzi immodifika

  1. ^ Jean Renaud, Les Vikings en France (Il-Vikingi fi Franza), Clio.fr
  2. ^ a b Georges Duby, Les Féodaux (Il-Fewdali) (980-1075) meħud minn Histoire de la France (L-Istorja ta' Franza), Larousse 2007, p.264-266
  3. ^ Georges Duby, Les Féodaux (Il-Fewdali) (980-1075) meħud minn Histoire de la France (L-Istorja ta' Franza), Larousse 2007, p.272
  4. ^ a b Ottun I il-Kbir (912-973). Re tal-Ġermanja (936-973) u imperatur (962-973)
  5. ^ Joseph Rovan, Histoire de l’Allemagne des origines à nos jours (Storja tal-Ġermaniżi mill-bidu sa żmienna), 3et ed. rivista u mkabbra, Éditions du Seuil, Sensiela "Points Histoire" nru 254, Pariġi, 1999 (1el ed. 1994) ISBN 2-02-18296-3, p. 100
  6. ^ "Ottun III (980-1002) Re tal-Ġermanja (983) u Imperatur (996-1,002)". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-07-20. Miġbur 2010-11-27.
  7. ^ Georges Duby, Les Féodaux (Il-Fewdali) (980-1075) meħud minn Histoire de la France (L-Istorja ta' Franza), Larousse 2007, p.277
  8. ^ Georges Duby, Les Féodaux (Il-Fewdali) (980-1075) meħud minn Histoire de la France (L-Istorja ta' Franza), Larousse 2007, p.276
  9. ^ Christian Lauranzon-Rosaz, La Paix des Montagnes: origines auvergnates de la Paix de Dieu (Il-Paċi tal-Muntanji: Oriġni Alvernjana tal-Paċi ta' Alla), p.19
  10. ^ Michel Balard, Jean-Philippe Genet u Michel Rouche, Le Moyen Âge en Occident, (Il-Medjuevu fil-Punent), Hachette, 2003, p. 104-105
  11. ^ Jacques Paviot, Le moine est maître chez lui (Il-patri jikkmanda f'daru) Historia Thématique N°90: La France féodale p.43
  12. ^ Christian Lauranzon-Rosaz, "Paċi ta 'Alla" Sit tal-Università tal-Liġi u tax-Xjenza Politika ta' Clermont-Ferrand u Stephane Pouyllau, La Paix et la Trêve de Dieu. (Il-Paċi u t-Tregwa ta' Alla), [1]
  13. ^ a b Prosper Alfaric, Un pape alsacien : Léon IX d'Eguisheim, Annuaire de la Société Historique, Littéraire et Scientifique du Club Vosgien, volume I (1-2), Strasbourg Imprimerie Alsacienne 1933, Encyclopédie universelle
  14. ^ MM. Berthelot, Hartwig Derenbourg et F.-Camille Dreyfus, Le pape Grégoire VII (Il-Papa Gregorju VII), La Grande encyclopédie: inventaire raisonné des sciences, des lettres et des arts par une société de savants et de gens de lettres (L-Enċiklopedija l-Kbira: inventarju rraġunat tax-xjenzi, litteratura u arti minn għaqda ta' għorrief u nies tal-letteratura), Pariġi, Société anonyme de La Grande encyclopédie, 1885-1902, Encyclopédie universelle
  15. ^ Marie-Thérèse Lorcin, Des Restos du cœur avant la lettre Historia Thématique nru 65: Un Moyen Âge inattendu p. 48-51
  16. ^ Colette Beaune, Petite école, grand ascenseur social, Historia Thématique nru65 : Un Moyen Age inattendu p. 42-47
  17. ^ Jean-Michel Mehl, Près de cent quarante jours chômés par an (Qrib mija u erbgħin jum mistrieħ fis-sena), Historia Thématique nru 65: Un Moyen Age inattendu p. 58-64
  18. ^ Jean Chélini, Histoire religieuse de l’Occident médiéval (L-istorja reliġjuża tal-Punent medjevali), Hachette, 1991, p. 291
  19. ^ a b [2] Histoire du droit
  20. ^ Jacques Le Goff, Marchands et banquiers du Moyen Âge p.60-62
  21. ^ Jacques Le Goff, Marchands et banquiers du Moyen Âge, p.97-98
  22. ^ Jacques Le Goff, Marchands et banquiers du Moyen Âge, p.104-108
  23. ^ Marie-Thérèse Lorcin, Des Restos du cœur avant la lettre», Historia Thématique nru 65 : Un Moyen Age inattendu p. 48-51
  24. ^ Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge, p. 113-140
  25. ^ Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge p. 149-157
  26. ^ Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge, p. 188-190
  27. ^ Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge, p. 188-190
  28. ^ John Wyclif's Political Philosophy, (Il-Filosofija Politika ta' John Wyclif) Stanford Encyclopedia of Philosophy
  29. ^ a b Laurent Theis, Histoire du Moyen Âge français (L-storja tal-medjuevu Franċiż), Perrin 1992, p. 240-241
  30. ^ a b Michel Balard, Jean-Philippe Genet et Michel Rouche, Le Moyen Âge en Occident (Il-Medjuevu fil-Punent), Hachette 2003, paġna 285
  31. ^ a b Dictionnaire raisonné de l'architecture française du siècle XI au siècle XVI, Eugène-Emmanuel Viollet-le-Duc, ippublikat minn Banc, 1864, paġna 26
  32. ^ Jean Favier, Les Papes d'Avignon, p.122.
  33. ^ Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 45.
  34. ^ Jean Favier, Les Papes d’Avignon, p.121.
  35. ^ Yves Renouard, La Papauté à Avignon, p. 15.
  36. ^ Cours d'histoire des états européens : depuis le bouleversement de l'empire romain d'Occident jusqu'en 1789, ta' Frédéric Schoell, Maximilien Samson Frederic Schoell, Franz Xaver Zach u Freiherr von Franz Xaver Zach, ippublikat mill-istamperija rjali u minn Duncker u Humblot, 1830, p. 102
  37. ^ a b Dictionnaire encyclopédique de la théologie catholique: rédigé par les plus savants professeurs et docteurs en théologie de l'Allemagne catholique moderne, ta' Heinrich Joseph Wetzer, Benedikt Welte, Isidore Goschler et Johann Goschler, tradott għall-Franċiż minn Isidore Goschler, ippublikat minn Gaume frères u J. Duprey, 1864, p. 519
  38. ^ Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 93.
  39. ^ Léon-Honoré Labande, Le Palais des papes d’Avignon et les monuments historiques d’Avignon au XIVe siècle, p. 49.
  40. ^ "Pierre Obrier" skond vol. III tal-Annales d'Avignon
  41. ^ J. Girard, Évocation du vieil Avignon, p. 97.
  42. ^ J. Girard, Évocation du vieil Avignon, p. 96
  43. ^ Bernard Guillemain, Les Papes d'Avignon (1309-1376), p. 62.
  44. ^ Léon-Honoré Labande, Le Palais des papes d’Avignon et les monuments historiques d’Avignon au XIVe siecle, p. 53-54.
  45. ^ Le palais des papes, Revue de Paris, T. 31, 1841.
  46. ^ [3] L'histoire du palais des Papes
  47. ^ "Le Grand Tinel". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-05-24. Miġbur 2011-01-15.
  48. ^ Enrico Castelnuovo, Un peintre italien à la cour d'Avignon, Matteo Giovanetti et la peinture en Provence au XIVe siecle
  49. ^ op.cit., paġna 15.
  50. ^ Félix Buffière, Ce tant rude, Gévaudan, p. 773.
  51. ^ Félix Buffière, Ce tant rude, Gévaudan, p. 774
  52. ^ Les "vergers" de la papauté d'Avignon: Avignon, Pont-de-Sorgues et Villeneuve (1316-1378), teżi ta' Élydia Barret, École nationale des chartes, 2004
  53. ^ "Repères chronologiques" f'Le Palais des Papes, Avignon - guide de visite.
  54. ^ Enrico Castelnuovo, Un peintre italien à la cour d'Avignon, Matteo Giovanetti et la peinture en Provence au XIVe siecle u Daniel Bréhier, Notre-Dame des Doms, Ed. Beaulieu, Art et Tradition, Lyon, 2002, p. 72
  55. ^ Le Palais des Papes, Avignon - guide de visite, p. 15
  56. ^ L'entrée de Boucicaut à Avignon
  57. ^ Martin Alpartils, in Chronica actitatorum temporibus Benedicti XIII. Paul Pansier, op. cit..
  58. ^ J. Girard, Évocation du vieil Avignon, p. 116.
  59. ^ R. Brun, Annales avignonnaises de 1382 à 1410 extraites des Archives Datini, Mémoires de l’Institut historique de Provence, 1935-1938.
  60. ^ R. Brun, op. cit..
  61. ^ Les exigences de Benoît XIII pour la restauration des remparts d'Avignon
  62. ^ Daniel Bréhier, La Métropole Notre-Dame des Doms, Éd. Beaulieu, Art et tradition, 2002.
  63. ^ Histoire du Palais des Papes sur avignon-et-provence.com
  64. ^ J. Girard, Avignon. Histoire et Monuments, p. 19.
  65. ^ L. Bonnement, Mémoires de Bertrand Boysset. Contenant ce qui est arrivé de plus remarquable particulièrement à Arles et en Provence depuis 1372 jusqu’en 1414, Le Musée. Revue arlésienne, historique et littéraire, 1876-1877.
  66. ^ Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 423.
  67. ^ Louis Desvergnes, Histoire de Sorgues, Pont-de-Sorgues, Résidence des Papes, Éd. Société littéraire de Sorgues, 1978