Oliver Friggieri (27 ta’ Marzu 1947 – 21 ta’ Novembru 2020) kien poeta, rumanzier, kritiku letterarju u filosfu Malti. Kien jgħallem l-Università ta’ Malta u kellu sehem ewlieni fit-twaqqif tal-istorja u l-kritika letterarja bil-Malti, bi studji dwar Dun Karm, Rużar Briffa u bosta kittieba oħra. Bil-kitbiet tiegħu stinka biex jippromwovi l-lingwa u l-identità kulturali Maltija. Ħaddem bosta ġeneri ġodda għal-lingwa u kiteb l-ewwel kantata u libretti għall-ewwel oratorju bil-Malti. Wieħed mill-iktar rumanzi famużi u kontroversjali tiegħu, Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri (1986), jattakka l-qasmiet tribalistiċi fis-soċjetà kkawżati mill-politika. Bħala filosfu, ken interessat l-iktar fl-epistemoloġija u l-eżistenzjaliżmu.[1][2][3]

Oliver Friggieri
Ħajja
Twelid Furjana, 27 Marzu 1947
Nazzjonalità Malta
Mewt 21 Novembru 2020
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Lingwi Malti
Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb
poeta
kritiku letterarju
għalliem fl-università
literary translator (en) Translate
traduttur
Post tax-xogħol Malta
Impjegaturi Università ta' Malta

Ħajja Bikrija u Studju immodifika

Oliver Friggieri twieled il-Furjana fl-1947[4] u kien imur l-Iskola Primarja tal-Furjana u s-Seminarju Minuri tal-Arċisqof.[5] Kien seminarista fis-Seminarju Maġġuri sal-1967.[6]

Daħal l-Università Rjali ta’ Malta fl-1964[6] u kiseb Baċellerat tal-Arti fil-Malti, it-Taljan u l-Filosofija fl-1968.[4] Fl-1975 sar l-ewwel student li ggradwa MA fil-letteratura Maltija[7]. Fl-1978 kiseb dottorat fil-letteratura Maltija u l-Kritika Letterarja mill-Università Kattolika ta’ Milan, l-Italja bit-teżijiet ta' kritika komparatattiva La cultura italiana a Malta: storia e influenza letteraria e stilistica attraverso l’opera di Dun Karm u La Cultura Italiana del Romanticismo e la Poesia Maltese,[7] li t-tnejn ħarġu bħala kotba fl-Italja.

Karriera Akkademika immodifika

Bejn l-1968 u l-1975, Friggieri għallem il-Malti u l-Filosofija fl-iskejjel sekondarji.[7] Fl-1976 ingħaqad mal-Università ta’ Malta bħala assistent lettur. Inħatar lettur fl-1978, Associate Professor fl-1988 u Professur fl-1990. Kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti bejn l-1988 u l-2004.[4][8][9] Għallem u mexxa t-teżijiet ta' mijiet ta’ studenti u ħafna minnhom komplew jgħallmu l-Malti jew jirriċerkaw diversi oqsma tal-Malti.[7]

Karriera Letterarja immodifika

Fis-snin ta’ wara l-indipendenza, Friggieri kien fost il-kittieba ewlenin li ppromovew  il-lingwa u l-letteratura Maltija.[10] Kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju fl-1967.[6] Kien membru tal-bord editorjali (1967-1973) u mbagħad l-editur (1974-75) ta’ Il-Polz, il-ġurnal tal-Moviment.[7] [11] Fl-1971, flimkien ma’ oħrajn, beda s-Sagħtar, magazine letterarju u kulturali popolari ħafna mat-tfal Malti.[6] Fl-istess sena, flimkien ma’ Pawlu Mizzi, waqqaf il-Klabb Kotba Maltin, dar għall-pubblikazzjoni ta’ kotba bil-Malti.[7] Fl-1980 inħatar editur tal-Journal of Maltese Studies.[7] Kien ukoll membru tal-Association Internationale des Critiques Litteraires ta’ Pariġi.[6]

Friggieri ppubblika xogħlijiet f’bosta ġeneri differenti, fosthom dizzjunarji letterarji, oratorji, kantati, kritika letterarja, bijografiji letterarji u antoloġiji ta’ poeżiji tiegħu u ta’ kittieba oħra. Kiteb il-librett tal-ewwel oratorju (Pawlu ta’ Malta, 1989) u l-ewwel kankata (L-Għanja ta’ Malta, 1989) bil-Malti,[7] it-tnejn li huma b’mużika ta’ Charles Camilleri.[12] Friggieri analizza wkoll ix-xogħlijiet tal-pijunieri tal-kitba bil-Malti bħal Pietru Caxaro[13] u Mikiel Anton Vassalli[14]. Ix-xogħlijiet tiegħu ġew pubblikati f’16-il lingwa, fosthom l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniz, it-Taljan u l-Grieg.[15]

Friggieri ppubblika bosta artikli f’ġurnali bil-Malti bħal L-Orizzont u In-Nazzjon, rumanzi u novelli.[6] Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet fihom riflessjonijiet filosofiċi u eżistenzjali u ħafna drabi element ta’ patos.[16] [17] Ir-rumanz tiegħu Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri kien kontroversjali meta ħareġ fl-1986 minħabba li wera b’mod ċar it-tribaliżmu politiku f’Malta. Kiteb ukoll il-poeżija Karin u Raymond f’ġieħ Karin Grech u Raymond Caruana, vittmi tal-vjolenza politika f’Malta fis-snin sebgħin u tmenin tas-seklu għoxrin.[4]

Friggieri kien parti mill-kumitat li qaleb it-testi legali tal-Unjoni Ewropea għall-Malti.[18] Qaleb għall-Malti wkoll diversi xogħlijiet letterarji mill-Ingliż, mit-Taljan u mil-Latin.[16] Fl-2008 ippubblika l-awtobijografija Fjuri li ma Jinxfux, li jkopri s-snin bejn l-1955 u l-1990.[19] Fl-2013 intalab imexxi l-Fondazzjoni għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali.[20] Rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb diversi drabi u fl-2016 ingħata l-midalja tad-deheb Ġieħ l-Akkademja tal-Malti.[21]

Ħajja Personali u Mewt immodifika

Oliver Friggieri kien miżżewweġ lil Eileen u kellhom tifla waħda, Sara, u żewġ neputijiet.[7]

 
Il-korteo funebri ta' Oliver Friggieri ħdejn il-Knisja Arċipretali ta' San Publiju, il-Furjana

Miet fil-21 ta’ Novembru 2020.[10] Il-Gvern ta’ Malta onorah b’funeral statali[15] u jum ta’ luttu nazzjonali fil-25 ta’ Novembru 2020.[22] It-tebut tiegħu tqiegħed fil-Knisja Arċipretali tal-Furjana u għadda mill-Università ta' Malta, Tal-Qroqq, qabel ma ttieħed l-Imdina għall-quddiesa funebri mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.[23]

F'Diċembru 2020, permezz ta' mozzjoni mressqa mill-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista James Aaron Ellul fil-Kunsill Lokali tal-Floriana sar magħruf li triq fil-Floriana se tkun qed tissemma għal Friggieri. [24] [25] [26]

F'Marzu 2021 tħabbar li se jsir monument disinjat mill-iskultur John Grima f'ġieħ Oliver Friggieri, il-Furjana, fejn twieled u trabba.[27]

Kittieb immodifika

Friggieri kiteb għadd kbir ta' kotba ta' ħafna ġeneri, maħruġa f'Malta kif ukoll u f'ħafna pajjiżi barranin. Ir-rumanzi, in-novelli u l-poeżiji tiegħu nqalbu f'ħafna ilsna. Kotba tiegħu dehru bl-Ingliż, Taljan, Franċiż, Maċedonjan, Sloven, Serbo-Kroat, Grieg, Romen, Għarbi, Bengali, Urdu, Russu. L-istudji tiegħu, bl-Ingliż u bit-Taljan, dehru f'għadd ta' rivisti akkademiċi madwar id-dinja.

Ħa sehem f'iktar minn sittin kungress internazzjonali tal-Letterarura u rebaħ diversi premjijiet internazzjonali. Qaleb għall-Malti bosta xogħlijiet mil-Latin, Ingliż u Taljan. Kien lecturer fl-Università ta' Malta fil-letteratura Maltija.

Din li ġejja mhijiex il-lista kompluta tax-xogħlijiet letterarji ta' Oliver Friggieri.

Dizzjunarju immodifika

  • Dizzjunarju ta' Termini Letterarji, (1996) - Dan id-dizzjunarju fih ħażna kbira ta' termini li jmissu l-oqsma kollha tal-kritika letterarja, mit-teorija sa l-istilistika, mill-istorja tal-letteratura sal-kritika prattika, u wkoll termini kritiċi ta' xeħta filosofika u lingwistika. Fih ukoll it-termini kollha li jsawru l-vokabolarju tal-metrika, li fi tmiem il-volum hi miġbura għaliha. L-awtur ifisser it-termini fihom infushom, u dan iwassal biex id-dizzjunarju jista' jinqeda bih kull min hu interessat fl-istudju tal-letteratura fiha nnifisha. Huwa jseddaq it-tifsira tat-termini b'eżempji mil-letteratura Maltija. Id-dizzjunarju hu miktub hekk li jista' jkun ta' fejda f'livelli differenti tal-istudju tal-letteratura, waqt li joffri lill-istudjuż u lill-kittieb it-tagħrif meħtieġ kollu dwar l-arti tal-kelma.

Ġabriet ta' Novelli immodifika

  • Stejjer Għal Qabel Jidlam (1986) - F'kull rakkont, b'kitba sempliċi u mimlija implikazzjonijiet, Friggieri xtaq ipinġi karattru mdawwar minn ambjent li jweġġgħu b'mod jew b'ieħor. Hu u jirrakkonta lil Malta li jaf, fittex li jesprimi wkoll il-verità ewlenija: kull qalb tinsab f'dinja waħda, iżda r-realtà hi waħda għal kulħadd, għad li mhux kulħadd iħossha bl-istess qawwa u mhux kulħadd jgħaddi mill-istess tbatija.
  • Fil-Gżira Taparsi Jikbru l-Fjuri (1991)

Rumanzi immodifika

  • Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri (1986) - rumanz li fiż-żmien politikament imqalleb ta' Malta qanqal kontroversja politika kbira. Issemma sikwit fil-Parlament, u l-frażi tal-istess isem saret kważi idjoma fl-ilsien Malti. L-awtur kien intervistat minn stazzjonijiet u ġurnali barranin. Għall-preżentazzjoni tiegħu marru mijiet ta' nies, u r-rumanz xtered bl-eluf. Friggieri jikteb dwar l-għeruq tal-konflitti bejn iż-żewġ partiti politiċi u jibni karattru ewlieni, Karlu Manju, li jirrapreżenta lill-Malti ħieles. Huwa rumanz politiku, ta' mħabba, reliġjuż... rumanz li għamel storja... għax jitkellem dwar il-qawwa tal-bniedem tat-triq.
  • Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ (1998) - B'taħlita ta' tifkiriet u immaġinazzjoni dan ir-rumanz jibni l-ambjent tas-snin ħamsin biex jippreżenta l-mixja lejn il-maturita' fi ħdan familja ċkejkna. Il-ġrajja sseħħ f'Malta, iżda hi miktuba hekk li tista' sseħħ kullimkien. Kwadri differenti jsawru bejniethom dinja magħluqa, waħda li minnha tingħaraf ir-realta' fil-kumplessitajiet tagħha. Il-ġrajja timxi bla waqfien lejn il-qofol, waqt li tixħet dawl fuq ħajja li tbiddlet ħafna.
  • It-Tfal Jiġu bil-Vapuri (2000) - Din il-ġrajja sseħħ f'dinja raħlija fil-bidu tas-seklu għoxrin, il-wied, il-kampanja, it-toroq, id-dar, id-dawriet: ambjent antik sħiħ hu mfisser bir-reqqa. Susanna u Arturu huma vittmi taċ-ċirkustanzi. Dun Grejbel hu l-qassis ideali li l-qdusija tiegħu stess tkissru f'għajnejn il-bnedmin. Is-Sinjura, il-missier, u karattri oħrajn jiffurmaw epoka sħiħa. Dan il-ktieb inħadem ukoll f'teleserial u ntwera fuq stazzjon televiżiv lokali.
  • La Jibbnazza Niġi Lura (2006) - Rumanz li jkompli ma' It-Tfal Jigu bil-Vapuri. Storja dwar Susanna, Arturu, is-Sinjura, Dun Grejbel, Katarina, Stiefnu, u oħrajn f'raħal żgħir maqtugħ għalih waħdu. Hemm ukoll il-ħajja kkulurita tal-port. Kollox idur madwar qassis twajjeb, maħbub u mweġġa'.
  • Dik id-Dgħajsa f’Nofs il-Port (2011) - Rumanz li jkompli maż-żewġ rumanzi ta’ qablu, It-Tfal Jiġu bil-Vapuri u La Jibbnazza Niġi Lura. Storja ta’ nies vittmi taċ-ċirkustanzi: Susanna, Arturu, Dun Grejbel, Katarina, Stiefnu u oħrajn, fosthom Wistin li qiegħed ifittex il-passat tiegħu. Fl-ambjent tal-port tiġri wkoll parti kbira mir-rakkont. Kollox idur madwar Dun Grejbel, qassis twajjeb li jispiċċa biex ibati ħafna. Rumanz li permezz tal-passat jirrakkonta sitwazzjonijiet ta’ kull żmien.

Poeżiji immodifika

  • Il-poeżiji tiegħu kollha nġabru taħt l-isem Oliver Friggieri: Il-Poeżiji Miġbura (2002).


"Jekk" (il-poeżija li xi versi minnha jinsabu fuq il-bus shelters Maltin)


Jekk tifhem x'jgħidu l-kwiekeb

lill-qamar tul il-lej',

jekk tagħraf minn fejn telaq

is-sħab, fejn sejjer, fej',


jekk tirfes kull mogħdija

u tterraq kullimkien,

jekk tkellem lil kull ħlejqa

li tikber fil-ħolqien,


jekk togħdos fl-ibħra kollha

u tmiss qiegħ l-oċean,

jekk titla' kull muntanja

u titfi kull vulkan,


jekk tifhem lil kull siġra

u tkellem lil kull fjur,

jekk torqod ma' kull dudu

u tqum ma' kull għasfur,


jekk tgħodd in-numri kollha

u taf kull alfabett,

jekk tħott kull teorema

u żżarma kull kunċett,


jekk togħxa b'kull tbissima

u tokrob b'kull uġigħ,

jekk toftoq il-kliem kollu

u ssib is-sens li fih,


jekk taf kif kien il-bidu

u kif se jkun it-tmiem,

jekk taf kull fuq, kull isfel,

kull wara, kull quddiem,


jekk taf għaliex kull għabex

iżelleġ kull żerniq,

jekk taf kemm hija twila,

kemm twila, twila t-triq,


jekk taf għaliex l-iżbalji,

u taf x'inhu perfett,

jekk taf għax serp jitkaxkar

u għax itir farfett,


jekk ittawwalt iżżejjed

fuq xifer il-ġibjun

tal-qalb biex issa ttella'

bis-satal x'hemm midfun,


jekk il-maltemp sikkittu

u lill-irjieħ raqqadt,

jekk l-ilmijiet nixxitfhom

u lin-nirien qabbadt,


jekk fhimt kull mistoqsija

u jekk kull ħalfa ħlift,

u jekk kull rebħa rbaħtha

u jekk kull telfa tlift,


- il-petali tal-warda

waqgħulek minn idejk,

dan l-univers itektek

inqasam hemm, f'riġlejk.


Il-ħajja mistoqsija

miġbura f'elf għaliex,

u ssirlek poeżija

jekk int ma tweġibhiex.


Hekk biss ikun poeta


Għax hekk ikun poeta.


Jitkellem bi tbissima,

iħoss b’qalb tikwi nar,

u jaħraq dinja sħiħa

bi mħabbtu lejl u nhar.


Iweġġa’ bla ma jsawwat,

jissawwat bla jiqliel,

il-ġid jislet mill-ħażen,

fil-kruha jara l-ġmiel.


Ibaħħar fl-oċejani

u jogħdos f’qiegħ id-dmugħ,

b’testment bla flus iħalli

il-kliem, teżor tar-ruħ.


Iżomm ma’ xofftu l-kalċi

bla ma jitilqu qatt,

ilaqqat l-aħħar qatra

bla ma jintebaħ ħadd.


U jolfoq bla jinstema’,

ibati taħt sigriet,

bid-dmugħ jidlek il-ġrieħi,

bix-xejn jimla x-xewqiet.


F’deżert ta’ solitudni

bil-pass ta’ nkiss inkiss

iterraq sa ma jasal

f’riġlejn il-kurċifiss.


Il-golgota twelidu,

il-golgota xortih,

il-golgota li tkissru,

il-golgota li tqawwih.


Hekk biss ikun poeta.


Ara ukoll il-poeżija Karin u Raymond

Oratorji immodifika

  • Pawlu ta' Malta (1985)
  • Dun Ġorġ (2001)

Cantata immodifika

  • L-Għanja ta' Malta (1989)
  • Ħodon Fjuri lil San Publju (2010)

Awtobijografija immodifika

  • Fjuri li ma jinxfux, Tifkiriet 1955-1990 (2008) - Ktieb ta’ memorji bejn esperjenzi personali, drawwiet soċjali, u battalji tal-partiti politiċi. Rakkont mimli stampi ta’ nies, avvenimenti, postijiet, l-aktar ta’ Balzunetta, il-Port il-Kbir u l-inħawi. Toroq bla wisq traffiku, tfal jilagħbu kullimkien, nisa bl-għonnella, djar bla televiżjoni, tallaba jorqdu barra, Malta kolonja Ingliża. L-awtur ipinġi kwadri kurjużi miż-żmien ta’ tfulitu sa perijodu mqalleb ħafna fl-Istorja ta’ Malta. Jirrakkonta l-ġlieda bejn il-Knisja Kattolika u l-Partit Laburista, kif għexha hu stess, tifel fil-MUSEUM u mbagħad Seminarista, fi żmien l-Interdett. Jippreżenta l-ħajja sempliċi tas-snin ħamsin u sittin, u jħallat episodji privati ma’ ġrajjiet drammatiċi fl-epoka ta’ Ġorġ Borg Olivier, Dom Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Eddie Fenech Adami. Jirrakkonta kif snin wara ddiskuta din is-sitwazzjoni fil-privat u fit-tul ma’ Mintoff, li kien hu stess li bi frażi li qal fil-Parlament ’Min m’għandux x’jagħmel jikteb ktieb!’ kien wasslu biex jikteb ir-rumanz Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri (1986).

Kritika Letterarja immodifika

  • Kittieba ta’ Żmienna, 1970
  • Ir-Ruħ fil-Kelma, 1973,
  • Ġ.A. Vassallo - 'Il-Ġifen Tork', 1975
  • Il-Kultura Taljana f'Dun Karm, 1976
  • Fl-Għarbiel, 1976
  • Mekkaniżmi Metaforiċi f'Dun Karm, 1978
  • Storja tal-Letteratura Maltija, I, 1979
  • Saġġi Kritiċi, 1979
  • Ellul Mercer fLeli ta' Ħaż-Żgħir' - Mir-Realtà għall-Kuxjenza, 1983
  • Ġwann Mamo - Il-Kittieb tar-Riforma Soċjali, 1984
  • L-Idea tal-Letteratura, Bugelli, 1986
  • Dun Karm - 'Il-Jien u Lil hinn Minnu', T. Cortis, 1988
  • Dun Karm, 1989
  • Saggi sulla letteratura maltese, 1989
  • Il-Kuxjenza Nazzjonali Maltija, 1995
  • L-Istudji Kritiċi Miġbura, I, edizzjoni mħejjija minn Victor Fenech, 1995
  • L-Istorja tal-Poeżija Maltija, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2001
  • Rużar Briffa - L-Aħħar Poeżiji u Taħdita Letterarja, 1974
  • Dun Karm - Il-Poeżiji Miġbura, 1980
  • Rużar Briffa - Il-Poeżiji Miġbura, 1983
  • Dun Karm - Le poesie italiane, 2007 (il-poeżiji kollha bit-Taljan ta' Dun Karm)

Bijografiji letterarji immodifika

  • Dun Karm - il-Bniedem fil-Poeta, 1980
  • Il-Ħajja ta' Rużar Briffa, 1984

Antoloġiji immodifika

  • Il-Ktieb tal-Poeżija Maltija, I, Testi Magħżula u Miġbura bi Studju Kritiku, 1987 (l-ewwel ġabra tal-iktar poeżiji bikrin fil-Letteratura Maltija)
  • Il-Ktieb tal-Poeżija Maltija, II, Testi Magħżula u Miġbura bi Studju Kritiku, 1987 (ġabra ta' xogħlijiet ta' poeti tas-sekli 19 u 20)
  • Il-Poeżija Maltija, 1996

Ara ukoll immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ Montebello, Mark (2001). Il-Ktieb tal-Filosofija f’Malta - L-ewwel volum (A-L) (bil-Malti). Malta: Pubblikazzjonijiet Indipendenza. p. 184. ISBN 9990941823.
  2. ^ Montebello, Mark (2009). 20th Century Philosophy in Malta (bl-Ingliż). Malta: Agius & Agius. pp. 126–128. ISBN 9789990991314.
  3. ^ Montebello, Mark (2011). Malta’s Philosophy & Philosophers (bl-Ingliż). Malta: PIN. pp. 152–155.
  4. ^ a b ċ d Vella, Matthew (2020-11-21). "Oliver Friggieri, intellectual who articulated nation's consciousness, passes away". Malta Today. Miġbur 2021-05-01.
  5. ^ Debono, Karol Paul (2020-11-24). "Tislima lill-Professur Oliver Friggieri – eks student tas-Seminarju". The Archbishop's Seminary School (bil-Malti). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-01-25. Miġbur 2021-05-01.
  6. ^ a b ċ d e f Friggieri, Oliver (1983). "Self portrait : Oliver Friggieri". Civilization: An Encyclopedia on Maltese Civilization, History and Contemporary Arts, 10: 276–280. Malta: Gulf Publishing Ltd (mill-OAR@UM).
  7. ^ a b ċ d e f ġ g L-Akkademja tal-Malti (2020-11-21). "L-Akkademja ssellem lill-Prof. Oliver Friggieri" (bil-Malti). Miġbur 2021-05-01.
  8. ^ "A final salute given to Prof. Oliver Friggieri". University of Malta. Miġbur 2021-05-03.
  9. ^ "Id-Dipartiment tal-Malti" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-18.
  10. ^ a b "Oliver Friggieri, a giant of Maltese literature, dies aged 73". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-03.
  11. ^ Vassallo, Alvin (2018-03-27). "New book in recognition of Oliver Friggieri's works - TVM News". TVM (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-18.
  12. ^ Bondin, Joseph Vella (2013-04-15). "The Development of Choral Singing in Malta: A Historical Overview". The IFCM Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-27.
  13. ^ Friggieri, Oliver (1998–1999). "POINTS OF CONTACT BETWEEN ITALIAN ROMANTICISM AND MALTESE LITERATURE: The Maltese literary background". Scripta Mediterranea (bl-Ingliż). XIX-XX: 93–108. line feed character f'|titlu= f'pożizzjoni 34 (għajnuna)Manutenzjoni CS1: format tad-data (link)
  14. ^ Friggieri, Oliver (2016). Il-Kantilena ta' Pietru Caxaro : interpretazzjoni Rinaxximentali (bil-Malti). L-Imsida, Malta: Malta University Press.
  15. ^ a b "Oliver Friggieri funeral to be organised by the government - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2021-05-03.
  16. ^ a b Briffa, Charles (1997). "The Voice of a Nation's Conscience: Oliver Friggieri's Fiction in Recent Maltese Literature". World Literature Today. 71 (3): 495.
  17. ^ Risica, Giuseppe. "Oliver Friggieri: Il maggiore poeta maltese contemporaneo". Poesis Anima Mundi (bit-Taljan). Miġbur 2021-06-18.
  18. ^ Strassmann, Burkhard (2005-04-28). "»Kif inti?« – »Tajjeb!«". Ziet Online (bil-Ġermaniż). Arkivjat mill-oriġinal fl-2005-11-22. Miġbur 2021-06-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ "'Fjuri Li ma jinxfux – Tifkiriet 1955-1990' - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2021-06-18.
  20. ^ "Oliver Friggieri heads new anniversary committee". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-18.
  21. ^ "Il-Professur Oliver Friggieri rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb 'Ġieħ l-Akkademja tal-Malti' 2016". L-Akkademja tal-Malti (bil-Malti). 2016-11-14. Miġbur 2021-06-18.
  22. ^ "National day of mourning for Oliver Friggieri on Wednesday". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-03.
  23. ^ "A final salute given to Prof. Oliver Friggieri". University of Malta. Miġbur 2021-05-03.
  24. ^ https://newsbook.com.mt/triq-fil-furjana-se-tissemma-ghal-prof-oliver-friggieri/. |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  25. ^ https://netnews.com.mt/2020/12/16/triq-fil-floriana-se-tissemma-ghal-oliver-friggieri-wara-mozzjoni-tal-pn/. |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  26. ^ https://maltadaily.mt/oiver-friggieri-to-get-street-named-after-him/. |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  27. ^ "Oliver Friggieri monument to be erected in Floriana". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-03.

Ħoloq esterni immodifika