Kewkbet is-Safar

l-iżjed stilla li tiddi fil-kostellazzjoni ta' Ursa Minuri

Kewkbet is-Safar,[1] magħrufa wkoll bħala Polaris jew Stilla Polari, hija stilla fil-kostellazzjoni ċirkumpolari tat-Tramuntana ta' Ursa Minuri. Hija ddeżinjata bħala α Ursae Minoris (Latinizzata għal Alpha Ursae Minoris). B'kobor apparenti li jvarja madwar 1.98,[2] din hija l-iżjed stilla li tiddi fil-kostellazzjoni u tidher ċar billejl b'għajnejn il-bniedem.[3] Il-pożizzjoni tal-istilla tinsab inqas minn 1° 'il bogħod mill-pol ċelestjali tat-Tramuntana, u b'hekk hija l-istilla polari attwali tat-Tramuntana. Il-pożizzjoni stabbli tal-istilla fis-Sema tat-Tramuntana tagħmilha utli għan-navigazzjoni.

Il-pożizzjoni ta' Kewkbet is-Safar immarkata b'ċirku aħmar.

Bħala l-eqreb varjabbli Ċefeida, id-distanza tagħha tintuża bħala parti mis-sellum tad-distanza kożmika. Il-parallass stellari rivedut ta' Hipparcos jagħti distanza stellar sa Polaris ta' madwar 433 sena tad-dawl (133 parsec), filwaqt li l-missjoni Gaia suċċessiva tagħti distanza ta' madwar 448 sena tad-dawl (137 parsec). Il-kalkoli b'metodi oħra jvarjaw ħafna.

Għalkemm bil-vista tidher bħala punt uniku ta' dawl, Polaris hija sistema ta' tliet stilel, magħmula minn stilla primarja, u superġgant isfar iddeżinjat bħala Polaris Aa, f'orbita ma' oġġett ċelestjali iżgħar, Polaris Ab; il-par jinsab f'orbita usa' ma' Polaris B. Il-par AB ta' barra ġie skopert f'Awwissu 1779 minn William Herschel, fejn "A" tirreferi għal dak li huwa magħruf bħala l-par Aa/Ab.

Sistema stellari immodifika

Polaris Aa hija superġgant isfar evolut tat-tip spettrali F7Ib b'mases solari ta' 5.4 (M). Hija l-ewwel stilla Ċefeida li għandha massa ddeterminata mill-orbita tagħha. Iż-żewġ stilel iżgħar tas-sistema huma Polaris B, stilla tas-sekwenza prinċipali 1.39 M F3 li qed torbita f'distanza ta' 2,400 unità astronomika (AU),[4] u Polaris Ab (jew P), stilla tas-sekwenza prinċipali F6 qrib ħafna b'massa ta' 1.26 M. Polaris B tidher b'teleskopju mudest. William Herschel skopra l-istilla f'Awwissu 1779 billi uża teleskopju riflettenti tiegħu stess,[5] li kien wieħed mill-aqwa teleskopji ta' dak iż-żmien. F'Jannar 2006, in-NASA rrilaxxat immaġnijiet mit-teleskopju Hubble, li wrew it-tliet komponenti tas-sistema ternarja ta' Polaris.[6]

Il-veloċità radjali varjabbli ta' Polaris A ġiet irrapportata minn W. W. Campbell fl-1899, li ssuġġerixxa li din l-istilla kienet sistema binarja.[7] Peress li Polaris A kienet varjabbli Ċefeida magħrufa, J. H. Moore fl-1927 wera li l-bidliet fil-veloċità tul il-linja tal-vista kienu dovuti għal kombinament tal-perjodu ta' pulsazzjoni ta' erbat ijiem flimkien ma' perjodu orbitali ferm itwal u eċċentriċità ikbar ta' madwar 0.6.[8] Moore ppubblika l-elementi orbitali preliminari ta-sistema fl-1929, u ddikjara li l-perjodu orbitali kien ta' madwar 29.7 sena b'eċċentriċità ta' 0.63. Dan il-perjodu ġie kkonfermat minn studji proprja taċ-ċaqliq li twettqu minn B. P. Gerasimovič fl-1939.[9]

Bħala parti mit-teżi tad-dottorat tagħha, fl-1955 E. Roemer użat d-data tal-veloċità radjali sabiex tasal għal perjodu orbitali ta' 30.46 y għas-sistema ta' Polaris A, b'eċċentriċità ta' 0.64.[10] K. W. Kamper fl-1996 ipproduċa elementi iktar irfinati b'perjodu ta' 29.59±0.02 sena u b'eċċentriċità ta' 0.608±0.005.[11] Fl-2019, studju ta' R. I. Anderson wassal għal riżultat ta' perjodu ta' 29.32±0.11 sena b'eċċentriċità ta' 0.620±0.008.

Fl-imgħoddi kien maħsub li kien hemm żewġ komponenti sseparati b'mod iktar wiesa' — Polaris C u Polaris D —iżda ntwera li dawn ma kinux assoċjati fiżikament mas-sistema ta' Polaris.[12]

Distanza immodifika

Bosta studji reċenti jikkalkulaw li d-distanza sa Polaris hi ta' madwar 433 sena tad-dawl (133 parsec), abbażi tal-kejliet tal-parallassi mis-satellita astrometika Hipparcos. Stimi tad-distanza iktar antiki spiss kienu kemxejn inqas, u r-riċerka bbażata fuq analiżi spettrali b'riżoluzzjoni għolja tissuġġerixxi li jaf hi sa 110 sena tad-dawl eqreb (323 ly/99 pc). Polaris hija l-eqreb varjabbli Ċefeida għad-Dinja, b'hekk il-parametri fiżiċi tagħha huma ta' importanza kruċjali għall-iskala sħiħa tad-distanzi astronomiċi. Hija wkoll l-unika waħda b'massa mkejla b'mod dinamiku.

Għażla ta' stimi tad-distanzi minn Polaris
Sena Komponent Distanza, ly (pc) Noti
2006 A 330 ly (101 pc) Turner
2007 A 433 ly (133 pc) Hipparcos
2008 B 359 ly (110 pc) Usenko & Klochkova
2013 B 323 ly (99 pc) Turner, et al.
2014 A ≥ 385 ly (≥ 118 pc) Neilson
2018 B 521 ly (160pc) Bond et al.
2018 B 445.3 ly (136.6 pc) Gaia DR2
2020 B 447.6 ly (137.2pc) Gaia DR3
A Reviżjoni ġdida tal-osservazzjonijiet mill-1989-1993, ippubblikata għall-ewwel darba fl-1997.
B Distanza statistika kkalkulata bl-użu ta' distanza dgħajfa preċedenti.

Gallerija immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ Aquilina, Joseph, Maltese-English English-Maltese Dictionary, Midsea Books Ltd, 2006.
  2. ^ Evans, N. R.; Schaefer, G. H.; Bond, H. E.; Bono, G.; Karovska, M.; Nelan, E.; Sasselov, D.; Mason, B. D. (2008). "Direct Detection of the Close Companion of Polaris with The Hubble Space Telescope". The Astronomical Journal. 136 (3): 1137.
  3. ^ "Polaris". stars.astro.illinois.edu. Miġbur 2024-01-07.
  4. ^ Wielen, R.; Jahreiß, H.; Dettbarn, C.; Lenhardt, H.; Schwan, H. (2000). "Polaris: Astrometric orbit, position, and proper motion". Astronomy and Astrophysics. 360: 399–410 [400–402, 406].
  5. ^ Argyle, Bob; et al. (2019). An Anthology of Visual Double Stars. Cambridge University Press. p. 265. ISBN 9781108601702.
  6. ^ Evans, N. R.; Sasselov, D. D.; Short, C. I. (2002). "Polaris: Amplitude, Period Change, and Companions". The Astrophysical Journal. 567 (2): 1121.
  7. ^ Campbell, W. W. (October 1899). "On the variable velocity of Polaris in the line of sight". Publications of the Astronomical Society of the Pacific. 11: 195–199.
  8. ^ Moore, J. H. (August 1927). "Note on the Longitude of the Lick Observatory". Publications of the Astronomical Society of the Pacific. 39 (230): 249.
  9. ^ Roemer, Elizabeth (May 1965). "Orbital Motion of Alpha Ursae Minoris from Radial Velocities". Astrophysical Journal. 141: 1415.
  10. ^ Wyller, A. A. (December 1957). "Parallax and orbital motion of spectroscopic binary Polaris from photographs taken with the 24-inch Sproul refractor". Astronomical Journal. 62: 389–393.
  11. ^ Kamper, Karl W. (June 1996). "Polaris Today". Journal of the Royal Astronomical Society of Canada. 90: 140.
  12. ^ Evans, Nancy Remage; Guinan, Edward; Engle, Scott; Wolk, Scott J.; Schlegel, Eric; Mason, Brian D.; Karovska, Margarita; Spitzbart, Bradley (2010). "Chandra Observation of Polaris: Census of Low-mass Companions". The Astronomical Journal. 139 (5): 1968.